Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Prinċipessa Franċiża fit-triq lejn il-Beatifikazzjoni

.     -  14/11/17 05:00 PM

Il-Prinċipessa Elizabetta ta’ Franza, li kienet inqatlet waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża, bdiet it-triq lejn il-qdusija wara li l-Isqfijiet Franċiżi qablu li jiftħu uffiċjalment il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha.

Din il-Prinċipessa li kienet magħrufa wkoll bħala Madame Elisabeth twieled fl-1764 u kienet l-iżgħar fost ħut ir-Re Luigi XVI. Hi kienet irrifjutat li tiżżewweġ għax kienet qalet li hi setgħet tiżżewweġ biss ma' iben Re li mbagħad jirrenja wara missieru u allura kieku tagħmel dan ma tibqax Franċiża iżda hi riedet tibqa’ Franċiża u kienet tippreferi tibqa’ taħt ir-renju ta’ ħuha milli titla’ fuq tron barrani.

Għalkemm kienet temmen fil-monarkija, Elizabetta kienet tqis ir-renju bħala xi ħaġa dekadenti u kienet tippreferi tgħaddi l-ħin tagħha titlob, tistudja u timxi. Għamlet żmien twil fl-iskola ta’ San Cyr, skola għall-bniet minn familji nobbli, titlob mal-istudenti u kultant kienet tmur iżżur lil zijitha, Louise-Marie ta’ Franza li kienet Soru Karmelitana li kienet dikjarata Venerabbli fl-1873.

Hi kellha rabta kbira ma ħuha, ir-Re u rrifjutat li tmur fl-eżilju ma’ ħutha u z-zijiet l-oħra fi żmien ir-rivoluzzjoni. Minflok akkumpanjat lir-Re Luigi XVI u martu Marie Antoinette meta ħarbu lejn Verennes. It-tlieta li huma spiċċaw il-ħabs u fl-1794 inqatlet f’Pariġi taħt il-giljottina fi Place de la Concorde, ġimgħa biss wara li għalqet it-30 sena.

Lil dawk li nqatlu qabilha taħt il-giljottina kienet tgħidilhom: “Kuraġġ, kuraġġ, emmnu fil-ħniena t’Alla”. Skont it-tradizzjoni, meta rasha niżlet fil-baskett li jkun hemm taħt il-giljottina, minnha ħarġet rieħa qawwija ta’ ward. Hi kienet indifnet f’qabar tal-massa.

Il-ħniena tagħha, l-atti ta’ karita’ li wettqet u d-difiża tal-monarkija kontra l-forzi tar-rivoluzzjoni ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna li bdew iqisuha bħala eroj fil-bidu tas-Seklu 19. Fl-1924 twaqqfet assoċjazzjoni biex tippromovi l-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha u kien sar tentattiv ieħor fl-1947. Fl-1953 il-kawża reġgħet infetħet mill-Kardinal li kien Arċisqof ta’ Pariġi u kienet dikjarata Serva ta’ Kristu. Is-sena li għaddiet, il-Kardinal Andre’ Vingt-Trois, għall-darba’ oħra reġa’ fetaħ il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha li issa bdiet miexja sew l quddiem.