Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Ritratti: Jinfetaħ it-tieni ċentru ta’ għajnuna għar-refuġjati Rohingya

Michela Catania  -  14/11/17 10:35 AM

L-organizzazzjoni kartitattiva MOAS fetħet it-tieni ċentru ta’ għajnuna għar-refuġjati Rohingya f’Bangladesh, fil-belt ta’ Unchiprang, xahar biss wara li fetħet l-ewwel ċentru fil-belt ta’ Shamlapur.

Skont il-MOAS, minħabba li l-belt ta’ Unchiprang tinsab f’post salvaġġ u mbiegħed minn bliet oħra, il-komunitajiet hawnhekk huma iktar vulnerabbli minħabba n-nuqass ta’ aċċess għall-għajnuna medika.

Fil-fatt, s’issa ftit li xejn organizzazzjonijiet mediċi rnexxielhom jaslu fil-belt, fejn għadd ta’ refuġjati nqatlu minn iljunfanti selvaġġi meta kienu qed ifittxu materjal biex jibnu l-kampijiet tagħhom.

Għal din ir-raġuni, MOAS fetħet dan iċ-ċentru ta’ għajnuna, mgħammar b’sistemi indipendenti tal-enerġija u tal-ilma, fejn tista’ tagħti l-għajnuna medika kemm lir-refuġjati li qed jgħixu fil-kampijiet temporanji, kif ukoll lill-komunitajiet fil-Bangladesh li laqgħu lir-refuġjati, b’mod partikolari t-tfal, ommijiet u nisa tqal.

It-tim ta’ tobba se jkunu qed jeżaminaw lill-pazjenti kif jaslu fit-tined mediċi, filwaqt li l-ispiżjara u l-voluntiera se jagħtuhom pariri dwar liema mediċini se  jkollhom bżonn biex ifiequ.

Pazjenti b’kundizzjonijiet iktar serji se jkunu jistgħu jirċevu għajnuna mill-qwiebel, jew mill-kirurgi li jkunu jistgħu jagħmlu xi operazzjonijiet żgħar. 

Minbarra dan, il-voluntiera se jkomplu jiġġieldu t-tixrid tal-mard fil-belt billi jtejbu n-nutrizzjoni materna u jagħtu ikel iktar sustanzjuż lit-tfal.

Xandira Diretta mill-Parlament Ewropew fuq Newsbook.com.mt għada fit-3pm from NewsBook.com.mt on Vimeo.