Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“L-ewwel birthday mingħajr ommi u mingħajr Jerome” – Martina

Charmaine  Attard   -  18/11/17 05:47 PM

Martina Fenech, it-tfajla li rebħet il-qilla tal-kanċer, ilbieraħ għalqet 21 sena, iżda għaliha dan kien “l-ewwel birthday mingħajr ommha u mingħajr Jerome, l-imħabba ta’ ħajjitha”.

Jerome miet bil-kanċer fil-bidu ta’ Ottubru li għadda.

Fuq Facebook, Martina kitbet kif dan il-jum mhux biss iqanqlilha ħafna memorji ta’ birthdays passati, iżda li lbieraħ kien ukoll għeluq is-sitt ġimgħa minn meta “l-eroj” tagħha Jerome rebaħ il-ħajja ta’ dejjem.

Esprimiet kif id-dieqa u l-uġigħ f’qalbha komplew jikbru: “Diġà kienet diffiċli biex iċċelebrajt l-aħħar ħames birthdays mingħajr il-persuna li ġabitni fid-dinja”.  Filwaqt li tammetti li hu normali li l-ġenituri jinfirdu minn ma’ wliedhom, tisħaq li mhux normali li wild jitlef lil ommu ta’ età żgħira ħafna.

Kompliet tgħid li lanqas mhu normali li tiċċelebra għeluq sninek, mhux biss mingħajr ommok, imma anke mingħajr il-persuna li tkun ħabbejt qatigħ u li tkun hi ġegħlitek temmen fil-vera mħabba.

Iżda fl-istess waqt, Martina tinsab determinata li kemm ommha kif ukoll Jerome, kienu se jagħtuha l-kuraġġ u s-saħħa li kellha bżonn biex ‘tgawdi’ l-jum tagħha.

Lil ommha u lil Jerome, Martina tirringrazzjahom talli kienu l-aqwa omm li tifla jista’ jkollha u l-aqwa boyfriend li dejjem xtaqet. Saħqet li t-tnejn li huma ħallew impatt kbir f’ħajjitha u wegħdithom post speċjali f’qalbha “sakemm nerġgħu niltaqgħu”.

Dwar il-futur tagħha, it-tfajla qalet li lesta li taċċetta u tilqa’ l-isfida ta’ dak kollu li hu ppjanat għaliha.

X’qed tagħmel bħalissa Martina?

Sadanittant, Martina bħalissa tinsab impenjata fl-organizzazzjoni ta’ attività ta’ ġbir ta’ fondi għall-familji foqra fl-Albanija, lil se ssir fil-25 ta’ Novembru li ġej fl-Iskola ta’ Santa Monika fil-Gżira.

L-Open Day se tkun tinkludi face painting, żumba, aerobics,  wirja tal-klieb tal-Pulizija, karattri tal-cartoons, bżieżaq, wrestling, ritratti ma’ karozza sportiva u anke bouncing castle.

Se jkun hemm ukoll kant minn Xarulu, Christabelle Borg, Avenue Sky, Lulu + Ivan, Eleanor Cassar, Miriam Christine, Richard Micallef u Tony.

Se ssir ukoll wirja ta’ maġija minn Lorenzo.

Il-flus li jinġabru se jmorru għal dawk il-familji fl-Albanija lil la għandhom dawl u lanqas ilma.

Se jkunu qed jinġabru wkoll tapiti, ġkieket tas-suf, skufji, xalel, kalzetti u ingwanti, biex jintbagħtu b’kontejner mill-iktar fis possibbli.

Martina tlissen il-motto tal-kampanja, “Ejja nnisslu tbissima ma’ Jerome”.