Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Di Maio jpoġġi lil Valletta St Pauls fil-quċċata

19/11/17 08:31 PM

Gowl skorjat żewġ minuti minn tmiem il-partita għen lil Valletta sabiex jieħdu l-kmand assolut tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta f’logħba mill-isbaħ għelbu lir-rivali Marsa St Michael bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba denja bejn żewġ timijiet illi matul din is-sena se jerġgħu jkunu protagonisti għax-xettru finali.

Wara li sabu ruħhom żewġ gowls minn taħt, Marsa għamlu reazzjoni u filwaqt illi rnexxielhom jagħmlu rimonta kellhom l-isfortuna li joħorġu b’idejhom vojta minn din il-partita meta Di Maio sab il-gowl tar-rebħa.

Denis di Maio kien il-protagonista ewlieni ta’ dan il-konfront hekk kif skorja hat-trick u kompla xpruna ‘l fuq it-tim tal-kapitali.

Valletta kellhom bidu mill-aqwa hekk kif fetħu l-iskor wara seba’ minuti logħob meta kien hemm kross mil-lemin li sab lil Denis di Maio illi bir-ras għeleb lil gowlkiper ta’ Marsa.

Il-Marsin dehru ferm maħsuda u Valletta minnufih approfittaw tant illi tliet minuti wara, għamluhom tnejn meta Denis di Maio avvanza tajjeb, daħal fil-kaxxa u wiċċ imb’wiċċ quddiem il-gowlkiper tefa’ l-ballun fix-xibka.

Marsa ftit ftit bdew jistejqru minn din il-doċċa kiesħa, ikkalmaw u rnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor fit-18-il  minuta meta xutt b’saħħtu ta’ Mohammed Telessi qarraq b’Matthew Camilleri bejn il-lasti Beltin għal 2-1, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Marsa ħarġu bħal iljuni u minnufih ġabu l-iskor indaqs meta wara cross ferm tajjeb kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Ricardo Severino illi bir-ras tefa’ wara Camilleri.

Il-logħba sbieħet biż-żewġ timijiet jattakkaw qatigħ sabiex isibu l-gowl tar-rebħa. Fit-32 minuta kien Keiston Brincat illi ġera ġirja tajba, avvanza bix-xutt fil-baxx tiegħu jispiċċa kemm kemm barra mil-lasti Beltin.

Fuq in-naħa l-oħra fit-33 minuta, Di Maio avvanza tajjeb, ġibed lejn in-nofs bix-xutt tiegħu jispiċċa kemm kemm għoli.

Madankollu l-attakkant Taljan kien aktar ixxurtjat minuta wara meta kien hemm free-kick mogħti minn William Barbosa illi pinġut wara għand Denis di Maio illi  mill-viċin tefa’ ġewwa fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti, u partitarji Beltin.

B’hekk issa Valletta għandhom 12-il punt u għandhom tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali fil-klassifika.

Sadanittant Senglea Gunners u Valletta Stars komplew bil-kampjonat pożittiv tagħhom meta kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat kontra Fleur de Lys CFK u Sta Lucia Falcons rispettivament.

Senglea Gunners kellhom jitħabtu aktar milli suppost sabiex jegħlbu lil Fleur de Lys bl-iskor ta’ 3-2.

It-tim mill-Kottonera sabu ruħhom gowl minn taħt meta fid-29 minuta kien Chris Barbara illi fetaħ l-iskor għal Fleur de Lys.

Madankollu fit-tieni taqsima, l-Isla kienu aktar aggressivi u pront dawru r-riżultat permezz ta’ Glenn Brincat u Luke Baldacchino.

Fleur de Lys, illi pproduċew l-aħjar wirja tagħhom fil-kampjonat, reġgħu ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Robert Bajada iżda Senglea kienu għatxana għar-rebħa u skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa żewġ minuti minn tmiem il-konfront permezz ta’ Glenn Brincat.

Valletta Stars baqgħu jimpressjonaw matul dan l-istaġun u b’gowl f’kull taqsima ftit sabu diffikultà sabiex jegħlbu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 2-0.

Kien Gabriel Calleja illi fetaħ l-iskor għall-Istilel Beltin sabiex fit-63 minuta Daniele Lombardo żied ieħor sabiex issiġġilla t-tieni rebħa staġjonali għat-tim tiegħu.

Il-kampjonati tal-Ewwel u tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA issa jieqfu għal ftit hekk kif tintlagħab il-kompetizzjoni KO tal-Christmas Cup.

Klassifika L-Ewwel Diviżjoni:

Valletta St Pauls 12, Marsa St Michael 9, Senglea Gunners, Valletta Stars 7, Sta Lucia Falcons, Fleur de Lys CFK 0

Ritratt: Warren Sammut