Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: “Jekk Malta ma tiħux passi, se nagħmlu pressjoni” - MEP

19/11/17 11:38 AM

L-Ewroparlamentari Frank Engel saħaq li jekk il-Gvern Malti jibqa’ ma jiħux passi biex jassigura li l-liġi tiġi osservata minn kulħadd, huwa lest li flimkien ma’ sħabu fil-Parlament Ewropew jattivaw Artiklu 7 tat-trattat tal-Unjoni Ewropea.

Waqt il-programm Newsline li jixxandar fuq l-RTK kull nhar ta’ Sibt filgħodu Engel qal li din hi xi ħaġa li ma jixtieqx li Malta tgħaddi minnha.

Dan l-Artiklu jipprovdi mekkaniżmu biex l-Ewropa tinforza l-valuri tagħha fuq xi pajjiż membru jekk dan ma jkunx qed isegwi l-liġijiet kif imniżżla fit-Trattat.

Huwa semma kif f’Mejju li għadda, il-Parlament Ewropew talab li jidħol fis-seħħ Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Ungerija.Frank Engel mill-Partit Popolari Ewropew, li huwa wkoll membru tal-kumitat PANA li jinvestiga l-Panama Papers, sejjaħ dan il-pass bħala pass ieħor f’dawk li sejjaħ “miżuri iktar stretti biex jassiguraw li liġi (is-saltna tad-dritt) tiġi rispettata”.

Fil-programm, Frank Engel qal li l-Prim Ministru Malti jidher li qed ikollu l-istess problemi bħal dawk tal-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban, għaliex it-tnejn jgħidu li m’għandhomx problemi mal-Kunsill Ewropew iżda qed ikollhom problemi mal-Parlament Ewropew.

Semma kif f’Mejju li għadda, il-Parlament Ewropew talab li jidħol fis-seħħ Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Ungerija.

Qal li jekk l-Ungerija qiegħda fix-xifer li ssir dittatorjali, Malta qiegħda fix-xifer li tinħataf minn interessi privati.

Għall-mistoqsija li l-problemi tal-Gvern Malti mal-Parlament Ewropew jeżistu għax il-Partit Popolari jiddomina l-Parlament, Engel fakkar li il-Partit Popolari għandu biss 29% tas-siġġijiet fil-Parlament.

“Il-passaport Malti m’għadux b’saħħtu”

Frank Engel saħaq li l-Parlament Ewropew hu serju f’dak li jitlob mill-istati membri fosthom dak relatat mal-bejgħ tal-passaporti min xi stati.

Qal li sema’ każi ta’ persuni li ġew imwaqqfa ‘l barra mill-fruntieri tal-Ewropa għax kienu qed iġorru passaport Malti. Enfasizza li dan mhux dak li jixtiequ ċ-ċittadini Maltin għax meta tkun trid issiefer tkun trid tagħmel dan mingħajr problemi.

Fl-istess programm, Frank Engel qal ukoll li ​l-mod kif il-Bank Pilatus ingħata liċenzja għandu jiġi investigat.