Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

'Żelqa terribbli' ta' Owen Bonnici dwar Daphne - Le Monde

Charmaine  Attard   -  08/11/17 04:57 PM

Il-ġurnal Franċiż Le Monde, qed jirrapporta dak li qed isejjaħ ‘lapsus’ mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi, li f’filmat jinstema’ jgħid li l-ġurnalista Daphne Caruana Galiza nqatlet mill-politiċi.

F’artiklu b’filmat li tella’ llum waranofsinhar, Le Monde jirreferi għall-assassinju ta’ Caruana Galizia, u kif uliedha qed jitolbu r-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt li jakkużawh li ħoloq kultura ta’ impunità li ġabet lil Malta fi “stat mafjuż”.

Le Monde ikompli jgħid kif ulied Daphne jridu li tintrefa’ r-responsabbiltà politika, iżda li l-Ministru Malti għall-Ġustizzja ċaħad din l-ipoteżi b’saħħa. Madanakollu, bi żball qal li nqatlet “mill-politiċi”. Le Monde jiddeskrivi dan bħala ‘żelqa terribbli’.

Dan hekk kif il-Ministru Bonniċi jinstema’ jgħid li “Daphne nqatlet mill-politiċi…skużawni, mill-kriminali”. Żied jgħid li sfortunatament il-kriminali jinsabu kullimkien.

Sostna kif kulħadd jinsab ixxukkjat għax il-persuna li mietet kienet ġurnalista. Insista li dan ixxokkja lil kulħadd, inkluż lill-Gvern.

Il-Ministru fisser kif il-Gvern għamel u qed jagħmel li jista’ biex jissolva dan il-każ. Madanakollu qal li ma jaqbilx ma’ dawk li qed jgħidu li f’daqqa waħda Malta saret pajjiż maħmuġ.  Saħaq li  ma jistax ikun hemm ekonomika f’saħħitha f’pajjiż marid.

Owen Bonniċi temm jgħid li jekk il-Parlament Ewropew irid jiġi Malta u lest jispjegalhom x’qed jagħmel il-Gvern.

Le Monde hija fost it-tmien kmamar tal-aħbarijiet Ewropej, li f’ittra miftuħa talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista.

Il-ġurnal isemmi kif Caruana Galizia kienet tinvestiga skandli ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, sakemm fis-16 ta’ Ottubru nqatlet b’bomba fil-karozza tagħha.

L-artiklu jagħmel referenza għal April li għadda, meta l-ġurnalista kitbet li mart il-Prim Ministru Joseph Muscat kien il-benefiċjarju ta’ kumpanija fil-Panama, bl-isem ta’ Engrant, u li fiha ġew iddepożitati $1 miljun mill-Ażerbajġan.  Dawn l-akkużi dejjem ġew miċħuda mill-Prim Ministru u minn martu.