Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Mizzi u Schembri jistgħu jiffaċċjaw il-Qorti jekk..." - Fearne

Yendrick  Cioffi  -  15/12/17 10:44 AM

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li jekk ikun hemm fatt wieħed dwar l-allegazzjonijiet fuq il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff, mhux biss ikollhom jirriżenjaw, iżda jkollhom ukoll jaffaċċjaw id-deċiżjonijiet tal-Qorti.

F’intervista ma’ DW News, il-Ministru Fearne kien magħfus ħafna drabi fuq il-ħarsien tal-liġi f’Malta u għal aktar minn darba, insista li “ħadd ma hu ‘l fuq mil-liġi f’Malta.”

Dan minkejja li l-ġurnalist Tim Sebastian fakkar lill-Ministru Fearne dwar il-kritika tal-Prim Imħallef fuq il-ħarsien tal-liġi f’Malta u anke r-riżoluzzjoni li għaddiet fil-Parlament Ewropew u li tisħaq li hemm bżonn investigazzjoni serja f’Malta dwar il-ħarsien tal-liġi.

Iżda, anke dwar il-każ ta’ Mizzi u Schembri, Fearne fakkar li hemm Maġistrat li qiegħed jinvestiga dawn l-allegazzjonijet.

Anke meta mistoqsi dwar dak li qal il-Prim Ministru, li ddeċieda li jżommhom miegħu, għax kellu bżonnhom “biex jimplimentaw ċertu proġetti,” id-Deputat Prim Ministru reġa’ insista li “ħadd f’Malta ma hu ‘l fuq mil-liġi.”

“Il-liġi tgħid li għandek tkun investigat minn Maġistrat u mhux mill-midja,” saħaq Fearne meta l-ġurnalist baqa’ jinsisti li Konrad Mizzi u Keith Schembri kisru r-regoli tal-Kabinett u anke tat-taxxa.

Il-ġurnalist fakkar lill-Ministru Fearne dwar dak żvelat, li l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) sabet li hemm biżżejjed evidenza biex Konrad Mizzi jkun akkużat b’ħasil ta’ flus, bid-Deputat Prim Ministru pront iwieġeb li l-FIAU ċaħdet li jeżisti dan ir-rapport.

Sebastian fakkar ukoll li l-Maġistrat kien qal li hemm biżżejjed evidenza biex tinfetaħ inkjesta fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi u insista li l-Prim Ministru u sitt persuni oħra ppruvaw iwaqqfuha billi ressqu sitt appelli.

Iżda Fearne ċaħad li l-Prim Ministru qed jipprova jwaqqaf din l-inkjesta u insista li kellu dritt, bħal kull ċittadin ieħor, li “jiddefendi ismu.”

Assassinju Daphne: “Il-libertà tal-espressjoni f’Malta hi mhedda”

Dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Fearne ammetta li l-libertà tal-espressjoni f’Malta hija mhedda u saħaq li l-assassinju tal-ġurnalista ma kienx “delitt normali.”

Saħaq li dan ma kienx “qtil politiku” kif qed jingħad, iżda tefa’ t-tort fuq dik li sejjaħ bħala “gang kriminali.”

Skont DW News, “l-assassinju brutali tal-ġurnalista f’Ottubru li għadda, tefa’ dawl fuq l-istat ta’ pajjiż mifni bil-korruzzjoni.”

Waqt l-istess intervista, il-Ministru għas-Saħħa faħħar il-ħidma tal-Pulizija Maltija u fakkar li inqas minn sitt ġimgħat minn meta seħħet l-isplużjoni fil-karozza ta’ Caruana Galizia, il-Pulizija ressqet tliet persuni l-Qorti.

“Il-Kummissjoni kontra l-Mafja bl-ebda evidenza”

Il-ġurnalist Tim Sebastian staqsa wkoll lid-Deputat Prim Ministru dwar l-allegazzjonijiet li l-Gvern Malti qed ibigħ il-passaporti lill-persuni barra l-Unjoni Ewropea mingħajr ma jgħaddi din l-informazzjoni lil Brussell.

Fearne insista li din l-iskema hija waħda ta’ investiment u hija approvata mill-Kummissjoni Ewropea.

Mistoqsi dwar dak li qalet il-Kap tal-Kummissjoni Anti-Mafja fl-Italja, Rosy Bindi, ftit jiem wara l-assassinju, li mafjużi qed isibu l-ospitalità f’Malta, Fearne saħaq li dawn l-allegazzjonijiet huma infundati u Bindi ma pprovdiet l-ebda evidenza.

Ir-rapport li jakkumpanja l-intervista, jagħti ħarsa lejn kif seħħ l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u r-reazzjonijiet għalih.

Isemmi wkoll l-aħħar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li skont DW News “jippuntaw is-swaba’ lejn Muscat u l-alleati tiegħu, Schembri u Konrad Mizzi”.

Il-ġurnalist jirrapporta wkoll dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama u t-trasferiment fiha ta’ $1 miljun mit-tifla tal-President tal-Ażerbajġan.

Il-Whistleblower Russa, Maria Efimova kienet qalet li meta kienet impjegata tal-Bank Pilatus rat karti li juru li s-sid ta’ Egrant hija Michelle Muscat, allegazzjoni li l-Prim Ministru dejjem ċaħad, sa din il-ġimgħa stess.