Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Gvern qiegħed jimmira għal-surplus fiskali ta’ 0.8%

04/12/17 10:03 PM

Fil-jiem li għaddew, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti (MFAC) ippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu tat-tbassir fiskali inkluż fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju għall-2018, li kien imressaq mill-Ministeru għall-Finanzi lill-Kumissjoni Ewropea fis-16 ta’ Ottubru 2017. Dan id-dokument juri t-tbassir fid-dħul u l-infiq tal-Gvern skont is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali, li hija sistema mandatorja f’kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

B'hekk, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti jinnota li l-Gvern qiegħed jimmira għal-surplus fiskali ta’ 0.8% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) fl-2017 u ta’ 0.5% fl-2018, filwaqt li qiegħed jistenna li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jonqos għal 54.9% tal-PGD u għal 50.8% matul l-istess perjodu. Wara li ġew evalwati l-kategoriji tad-dħul u l-infiq tal-Gvern kif ippreżentati fil-Baġit, il-Kunsill jikkunsidra dan it-tbassir tal-bilanċ fiskali u tad-dejn pubbliku bħala plawżibbli. Il-Kunsill jinnota wkoll li dan it-tbassir huwa simili għal dak mħejji mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

L-Abbozz tal-Pjan Baġitarju huwa bbażat fuq l-istimi finanzjarji li ġew imressqa fuq il-mejda tal-Parlament fid-9 ta’ Ottubru 2017, u l-miżuri fiskali mħabbra matul l-aħħar Diskors tal-Baġit.

Fl-evalwazzjoni li ħejja dwar ir-riskji rigward dan it-tbassir, il-Kunsill jara li hemm il-possibbiltà li d-dħul totali jista’ jkun aktar milli mbassar fil-Baġit, waqt illi n-nefqa totali tista’ tkun inqas milli mbassra, kemm għall-2017 u għall-2018. Dan jista’ jwassal għal possibbiltà ta’ bilanċ fiskali iktar pożittiv milli mistenni. Fl-2017, huwa possibbli li d-dħul mit-taxxa u mill-Programm tal-Investitur Individwali jkunu iktar milli mistennija, ukoll minħabba l-assunzjonijiet prudenti li jittieħdu mill-Ministeru tal-Finanzi fit-tbassir tagħhom. Mill-banda l-oħra, l-ispiża tista’ tkun inqas milli ppjanata, speċjalment minħabba li l-infiq fuq pagi u  l-investiment jistgħu jkunu inqas minn dak ibbaġitjat. Hemm ukoll il-possibbiltà li ma jkunx hemm bżonn tiġi użata r-Riserva għall-Kontinġenza, li hija riserva li ġiet stabbilita mill-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali sabiex tkopri għal spejjeż li ma jkunux mistennija jew eċċezzjonali, u b’hekk dan iwassal għal iktar tfaddil.

Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Gvern sabiex jibqa’ viġilanti fir-rigward tax-xejriet fiskali, u sabiex iżomm mal-pjanijiet fiskali tiegħu hekk kif ippubblikati fl-Abbozz tal-Pjan Baġitarju. Il - Kunsill ifakkar li kwalunkwe ċaqliq sinifikanti minn dawn il-pjanijiet fiskali, riżultat ta’ xi inizjattivi ġ odda wara li ġie ppubblikat l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju, jista’ joħloq riskji għal miri tas-surplus fiskali u d-dejn.

.