Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Aktar reazzjonijiet mill-familja ta' Daphne

Charmaine  Attard   -  04/12/17 01:36 PM

Wara li dalgħodu ġew arrestati 10 persuni dwar dawk li qed jissejħu suspetti raġjonevoli b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-ewwel reazzjoni mill-familja tal-ġurnalista, ħarġet minn binha Matthew.

Fuq twitter, Matthew Caruana Galizia, li huwa wkoll ġurnalist, qal li hemm xi ħaġa ħażina ħafna, meta l-familja tal-vittma ssir taf dwar l-arresti ta’ persuni mqabbda biex joqtluha, permezz ta’ retweet minn uffiċjal tal-partit fil-Gvern.

"Il-Prijorità tal-Pulizija hija li tinforma lill-Prim Ministru" - Corinne Vella

Intant fi stqarrija aktar tard, oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella qalet li l-mod kif ġew ikkommunikati l-arresti jindika “nuqqasijiet istituzzjonali serji.”

Vella qalet li l-informazzjoni kellha tiġi kkommunikata mill-Pulizija u mhux mill-Prim Ministru u saħqet li dan juri li l-prijorità tal-Pulizija hija li tinforma lill-Prim Ministru u mhux lill-familja.

Fil-fatt, il-familja kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar in-nuqqas ta’ kommunikazzjoni li kien hemm mal-familja u anke dwar informazzjoni li bdiet tinħareġ u li seta’ kellha effett negattiv fuq l-investigazzjoni. Il-Kummissarju għadu ma weġibx.

Qalet ukoll li l-ismijiet tal-akkużati ġew leaked minn membri tal-Korp u li dan ifisser li jista’ jkun hemm Pulizija oħra li qed jagħtu informazzjoni lil suspettati, “li wħud minnhom jistgħu jkunu viċin jew fil-Gvern.”

Waqt li kkwotat lill-Prim Ministru jgħid li l-Maġistrat igawdi l-fiduċja tal-familja, fakkritu li l-Pulizija qed iwettqu investigazzjoni separat u għalhekk kellhom id-dover li jinfurmaw lill-familja.

Anke dwar iż-żewġ arresti li seħħew aktar tard, il-familja saret taf minn fuq Twitter tal-Prim Ministru.

“Għal darb’oħra l-prijorità tal-Prim Ministru hija l-midja u mhux il-familja tal-vittma u dan jindika li jimpurtah iżjed mill-immaġni tiegħu,” saħqet Corinne.

Kompliet tgħid li l-Prim Ministru ma qalx il-verità meta qal li l-mandati ta’ arrest kienu ffirmati mill-Maġistrat Inkwerenti. Saħqet li l-mandati jkunu ffirmati mill-Maġistrat tal-Għassa u f’dan il-każ, il-Maġistrat Anthony Vella ma kienx il-Maġistrat tal-Għassa. 

Temmet tgħid li l-familja se tibqa’ tiġġieled biex ikun hemm investigazzjoni indipendenti u imparzjali.