Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: “Jien waqqaft tqala 3 darbiet... meta wellidt” – vittma ta’ stupru

Michela Catania  -  06/12/17 08:45 PM

“Meta nistaqsi lil xi ħadd x’jifhem bil-kelma “abort” dejjem jipprovaw jilagħbu bil-kliem, u jgħiduli pereżempju ‘li twaqqaf tqala’. Jiena waqqaft tqala tliet darbiet, meta wellidt. Imma dak li jitkellmu dwaru huwa qtil ta’ kreatura ħajja.”

Dan kien kliem Dr Rebecca Kiessling, bint vittma ta’ stupru vjolenti, f’intervista esklussiva waqt il-programm Follow Up fuq RTK.

Dr Kiessling tkellmet kontra l-argument li l-embrijuni mhumiex persuni ħajjin. Sostniet li l-industrija tal-IVF stess hija mibnija fuq il-fatt li l-embrijuni huma persuni umani ħajjin, bħalma jsostnu t-tobba. Saħqet li meta wieħed jissuġġerixxi l-kontra jkun qed jiċħad fatti xjentifiċi.

Madankollu, Dr Kiessling qalet li nisa tqal ma jkunux iridu jisimgħu dawn l-argumenti xjentifiċi u filosofiċi meta jfittxu parir dwar l-abort. Fissret kif ikollhom bżonn biss min jismagħhom għax, fil-biċċa l-kbira ta’ każijiet, iduru lejn l-abort biss meta jħossuhom waħdehom u mbeżżgħa. 

Hija għal din ir-raġuni li Dr Kiessling, avukat mill-Istati Uniti, iddur pajjiżi differenti biex titkellem favur il-ħajja u, flimkien ma’ 525 persuna oħra li huma membri ta’ organizzazzjoni li waqqfet hi stess, ixxerred stejjer ta’ suċċess ta’ nisa li nqabdu fi tqala mhux mixtieqa u għażlu li ma joqtlux lit-tarbija tagħhom fil-ġuf.

“Kuntenta ħafna bl-għajnuna li qed tingħata f’Malta”

Dr Kiessling esprimiet is-sodisfazzjon tagħha bl-għajnuna li qed tingħata f’Malta lil tfajliet li jinqabdu tqal, waqt li jkunu għadhom qed jistudjaw.

“Ħadt gost nisma’ li l-iskejjel Maltin mhux biss ma jaqbdux u jkeċċu lil studenti li jinqabdu tqal, iżda jkomplui jgħinuhom wara li jwelldu”, qalet Dr Kiessling.

Faħħret ukoll id-deċiżjoni li jitwaqqfu organizzazzjonijiet mhux governattivi f’Malta li jagħtu għajnuna speċjalizzata lil nisa li jinqabdu tqal, fosthom Life Network Foundation Malta.

Waqt l-istess intervista, Dr Klaus Vella Bardon qal li din l-organizzazjoni tnediet għax il-membri kienu mħassbin bit-theddid li qed isir fuq il-ħajja umana f’Malta, permezz tal-proposti li titneħħa l-liġi li tipproteġi l-embrijuni, u li jiddaħħlu l-abort u l-ewtanażja, fost l-oħrajn.

L-organizzazzjoni se tkun qed torganizza għadd ta’ attivitajiet matul din il-ġimgħa biex tkompli toħloq kuxjenza dwar il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-ħajja umana, fosthom laqgħa reliġjuża fil-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara għada filgħaxija, u mixja qasira minn Kastilja lejn il-Parlament is-Sibt li ġej fil-5pm.