Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Ir-Russja pprojbita milli tipparteċipa fil-Logħob Olimpiku s-sena d-dieħla

Michela Catania  -  06/12/17 11:40 AM

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ipprojbixxa lir-Russja milli tikkompeti fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa fi Pyeongchang fil-Korea t’Isfel is-sena d-dieħla.

Dan wara li l-Gvern Russu allegatament offra d-drogi lill-atleti li kienu qed jipparteċipaw fil-Logħob Olimpiku li l-pajjiż ospita tliet snin ilu fil-belt ta’ Sochi.

Madankollu, atleti Russi li jgħaddu mit-testijiet li juru li ma kkunsmawx droga xorta waħda se jkunu jistgħu jikkompetu fil-Logħob Olimpiku tas-sena d-dieħla, iżda taħt bandiera newtrali u mhux tar-Russja jew pajjiż ieħor partikolari.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku qal li kellu jieħu din id-deċiżjoni wara li qara s-sejbiet u l-konklużjonijiet li ntlaħqu wara investigazzjoni ta’ 17-il xahar, immexxija mill-eks-President tal-Iżvizzera, Samuel Schmid.

Id-deċiżjoni ġiet ikkundannata mir-Russja, fejn għadd ta’ politiċi qed isejħu għal bojkott tal-Logħob, filwaqt li uffiċjali oħra laqgħu l-istendina tal-Kumitat lill-atleti biex jipparteċipaw taħt bandiera newtrali.

L-organizzaturi tal-Logħob Olimpiku fil-Korea t’Isfel lanqas ma laqgħu d-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku, ladarba n-nuqqas ta’ preżenza ta’ wieħed mill-aqwa potenzi fl-isport ħa jagħtu daqqa ta’ ħarta lill-bejgħ tal-biljetti, u għalhekk se jkunu qed jiltaqgħu mal-Kumitat Olimpiku biex jipprovaw jilħqu ftehim aħjar.