Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-IFS tiddiskuti l-isfidi regolatorji quddiem is-settur finanzjarju

06/12/17 11:19 AM

L-Istitut Malti għas-Servizzi Finanzjarji (l-IFS) reċentement organizza b’suċċess is-Seminar Annwali dwar it-tema topika L-Isfidi Regolatorji Quddiemna, qasam li jimpatta l-parteċipanti kollha li joperaw fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Il-President ta’ ifs Malta, Kenneth B. Micallef, fetaħ is-seminar b’indirizz introduttorju li fih qal li r-regolamentazzjoni diġà kellha impatt kbir fuq is-servizzi finanzjarji u li minkejja dan, kien se jkun hemm iktar żviluppi. Madankollu, filwaqt li l-pletora ta’ leġiżlazzjoni u regolamentazzjoni jistgħu jidhru enormi, wieħed kellu jżomm f’moħħu li s-settur finanzjarju u l-prattikanti tiegħu għandhom l-obbligu lejn is-soċjetà li jiżguraw li s-sistema finanzjarja ma tintuża għall-ebda għan illeċitu. Għal dan il-għan, il-professjonisti kollha fdati tas-servizzi finanzjarji għandhom dmir ta’ diliġenza lejn il-ħafna partijiet interessati u għandhom dejjem jaġixxu bl-integrità u dejjem iħarsu l-ogħla standards ta’ imġiba professjonali, onestà, u imġiba etika.

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, qal li minkejja l-kritika kontra s-settur tas-servizzi finanzjarji tal-pajjiż, Malta m’għandhiex tadotta l-mentalità tal-assedju. Huwa importanti li l-partijiet interessati kollha jaħdmu flimkien biex jiddefendu lil Malta u jirribattu l-kritika u juru kemm aħna trasparenti u konformi mal-leġiżlazzjoni u mar-regolamentazzjoni kollha involuti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, tkellem dwar l-isfidi u l-opportunitajiet fis-servizzi finanzjarji. Dr Delia qal li filwaqt li r-regolamentazzjoni kienet żdiedet u li aħna rridu nissalvagwardjaw ir-reputazzjoni ta’ Malta, kien hemm ukoll opportunitajiet biex Malta tiġi promossa bħala domiċilju attraenti u biex nesploraw il-possibilitajiet f’oqsma bħall-FinTech (it-teknoloġija finanzjarja) u possibbilment anke nibbenefikaw mill-Brexit. Huwa qal ukoll li l-pajjiż irid jinvesti fin-nies tiegħu.