Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Pariri kif tonfoq bil-għaqal dan il-Milied

06/12/17 11:00 AM

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali nieda l-kampanja Onfoq bil-Għaqal, Aħseb fill-Futur, bl-għan li jħeġġeġ infiq bil-għaqal f’dan iż-żmien ta’ festi.

Wieħed jista’ jonfoq bil-għaqal billi jippjana minn qabel u jagħmel budget realistiku biex kemm jista’ jkun jevita li jiċċelebra l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena fil-paniku għaliex jirrealizza li bl-infiq esaġerat fuq rigali, ikel, ħwejjeġ u avvenimenti, ħa jkollu jgħix il-bqija tas-sena l-ġdida b’anqas kumdità finanzjarja. 

Din il-kampanja ta’ tletin ġurnata qed turi kif wieħed jista’ jipprepara ikliet bnini għal dawn iż-żminijiet ta’ festi mingħajr ma’ wieħed jonfoq iżjed milli jiflaħ finanzjarjament, filwaqt li jevita l-ħela.

Għaldaqstant, billi wieħed jippjana minn qabel billi jagħmel lista maħsuba sew ta’ affarijiet li jkollu bżonn jixtri u jżomm magħha ħalli ma jaqax fir-riskju li jixtri impulsivament, jew jixtri kwantitajiet bla bżonn, hekk ikun qed jissalvagwardja kontra l-infiq żejjed u sfrenat.

Skont figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jidher li bħala medja, 25% tal-ikel mixtri jispiċċa moħli. Fiż-żmien ta’ dan l-istaġun tal-festi biss, ikel mormi jiżdied bi tliet darbiet iżjed minn żmien ieħor tas-sena.

Għal aktar informazzjoni u pariri siewja, żur is-sit jew il-paġna ta’ Facebook