Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Assassinju Daphne: Il-Pulizija tiċċara kif ħarġu l-mandati ta’ arrest

Matthew Borg  -  07/12/17 04:21 PM

Il-Korp tal-Pulizija qal li kien il-Maġistrat Inkwirenti li ħareġ il-mandati ta’ arrest għall-10 irġiel arrestati nhar it-Tnejn li għadda fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Korp ċaħad rapporti fil-midja lokali u li sejjaħ qarrieqa, li jgħidu li l-mandati ta’ arrest ma kinux iffirmati mill-Maġistrat Inkwirenti Anthony Vella.

Tlett ijiem ilu, oħt il-ġurnalista assassinata, Corinne Vella qalet fi stqarrija li l-mandati ta’ arrest ma kinux iffirmati mill-Maġistrat Inkwirenti.

Żiedet tgħid li l-Prim Ministru żvija lill-midja meta qal li l-mandati t’arrest ġew iffirmati mill-Maġistrat Inkwirenti, li jrid ikun xogħol dakinhar li jinzerta l-każ. Saħqet li dakinhar il-Maġistrat Vella ma kienx xogħol.

Vella kitbet ukoll li hemm irregularitajiet fl-investigazzjoni tal-qtil t’oħtha, u fost l-oħrajn semmiet kif il-Pulizija donnhom l-ewwel jinfurmaw lill-Prim Ministru, u mhux lill-familja.

Il-Korp tal-Pulizija temm jgħid li starrijiet qarrieqa bħal dawn jagħtu x’jifhem li b’xi mod il-Maġistrat tħalla barra, u enfasizzat li huma infondati għalkollox.

It-Tlieta filgħaxija Alfred u George Degiorgio, magħrufa bħala “l-Fulu” u “ċ-Ċiniż” rispettivament, flimkien ma’ Vince Muscat, “il-Koħħu” tressqu l-Qorti, fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.