Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Familji bit-tfal jisfidaw ix-xita u l-kesħa biex jipprotestaw

Christoph  Schwaiger  -  07/12/17 06:14 PM

Eluf ta’ dimostranti inkluż familji bit-tfal ħadu sehem f’protesta favur l-indipendenza tal-Katalunja fi Brussell minkejja x-xita u l-ksieħ.

Madwar 45,000 persuna ħarġu biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-President imkeċċi tagħhom, Carles Puigdemont, u biex isejjħu lill-Unjoni Ewropea biex jgħinu lir-reġjun tal-Katalunja biex jakkwista l-indipendenza minn Spanja. Il-Pulizija tal-Belġju qalu li l-ammont ta’ dimostranti li tfaċċaw kien id-doppju ta’ dak mistenni mill-organizzaturi. Skont il-midja internazzjonali, id-dimostrazzjoni kienet waħda paċifika.

Fi Brussell instema’ l-għajjat ta’ “Qum mir-raqda Ewropa” fost tixjir ta’ bnadar ħomor, sofor, u blu tal-Katalunja hekk kif id-dimostranti kienu fi triqthom lejn il-kwartieri tal-Unjoni Ewropea fil-Belt Kapitali tal-Belġju.

Id-dimostranti waslu permezz ta’ numru kbir ta’ kowċis u vannijiet bi pjanċi Spanjoli.

L-Unjoni Ewropea s’issa kienet qed tagħti l-appoġġ tagħha lill-Gvern Spanjol u qalet li din il-kwistjoni hija waħda interna għal Madrid.