Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Hemm bżonn tibdil fil-politika tal-pompi tal-petrol - PD

Christoph  Schwaiger  -  07/12/17 11:17 AM

Il-Partit Demokratiku kiteb lill-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Iżvilupp dwar tibdil li hemm bżonn fil-politika tal-pompi tal-petrol.

F’ittra li l-PD bagħat liċ-Ċerpersin tal-Kumitat, il-partit spjega kif din il-politika naqset milli tindirizza l-objettivi tagħha. Qal li d-dokument diġà skada peress li mhux f’konforma mad-direzzjoni li qed tipprova tieħu Malta lejn mezzi ta’ trasport li ma jniġġsux.

Il-PD fakkar kif hemm 69 pompa tal-petrol f’Malta u 8 f’Għawdex u li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa numru ta’ applikazzjonijiet oħra. Skont il-PD, l-istess Awtorità ppermettiet minn tal-inqas permess wieħed li kien imur kontra l-politika approvata.

F’Novembru, Il-Partit Demokratiku kien qal li hemm applikazzjoni biex titwaqqa’ farmhouse biex tinbena pompa tal-petrol fuq 27,000 metru kwadru ta’ art, 900% akbar minn dak li tippermetti l-liġi.

Il-partit stqarr li jinnota ċertu nuqqasijiet fil-politika, fosthom li:

  • Pompi tal-fjuwil jistgħu jinbnew 500m ‘l bogħod minn xulxin f’żoni tal-art rurali
  • Meta applikazzjoni għal pompa tiġi approvata, ma jsirx superviżjoni jew infurzar dwar il-proġett
  • L-ispekolaturi qed jixtru art agrikola rħisa u jbiddluha f’art kummerċjali bl-użu tal-istess politika

Fi kliem il-PD, l-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed tipprova tmexxi l-pompi tal-petrol minn postijiet urbani għal dawk mhux urbani. Skont il-PD, li kieku dan isir, it-traffiku jonqos u s-saħħa u s-sigurtà tan-nies titjieb.