Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Iftaħ flixkun inbid" - SMS tal-akkużat bil-qtil ta' Daphne

Matthew Borg  -  07/12/17 10:21 AM

L-aħħar messaġġ tal-persuna li bagħtet l-SMS li attiva l-bomba taħt il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia kien, “Iftaħli flixkun inbid”.

Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu lill-ġurnal Taljan, La Repubblica, li l-Pulizija Maltija elevat messaġġ minn fuq il-mowbajl tal-mara ta’ George Degiorgio, “iċ-Ċiniż”.

Qed jingħad li l-messaġġ, mibgħut fit-3.30pm bl-Ingliż, jiġifieri 25 minuta wara l-isplużjoni li ħasdet il-ħajja tal-ġurnalista, kien messaġġ li Degiorgio bagħat wara li kellu jittoppja il-mowbajl mill-ġdid, wara li ma kienx għad baqagħlu flus biex jibgħat il-messaġġ qattiel.

“L’oltraggio di Degiorgio, uno dei tre arrestati per l’omicidio della giornalista maltese, tradito da un cellulare rimasto senza credito”, jgħid il-ġurnal.

Il-gazzetta tiddeskrivi dan il-messaġġ taċ-“Ċiniż” bħala żball li qata’ l-kundanna kollha fuq min bagħat il-messaġġ fatali.

Ftit qabel it-3pm tas-16 t’Ottubru, filwaqt li Alfred Degiorgio u Vince Muscat kienu qegħdin isusu wara l-passi ta’ Caruana Galizia biex jinfurmaw liċ-“Ċiniż”, dan tal-aħħar kien fuq il-cabin cruiser tiegħu jistenna li jinfurmawh, bil-mowbajl li kellu jintuża biex jiskatta l-isplussiv.

Dan l-istess mowbajl kien tqabbad b’komunikazzjoni diretta mal-bomba għall-ħabta tas-2am tal-lejl ta’ qabel.

Il-ġurnal ikompli jirrapporta li fuq id-dgħajsa, “iċ-Ċiniż” kien lest biex jibgħat il-messaġġ xħin induna li ma fadallux flus.

Kien hawnhekk li l-akkużat uża mowbajl ieħor biex iċempel lil ħabib f'kumpanija tat-telefonija biex titfagħlu €5 fil-mowbajl l-iħeor li kien se juża biex jiskatta l-isplussiv.

Il-mowbajl li “ċ-Ċiniż” uża biex jittoppja l-ieħor kien fuq ismu, u għalhekk il-Pulizija setgħet tintraċċah.

L-aħwa Degiorgio u Muscat kienu ilhom xahrejn jikkumplottaw dal-qtil.