Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"M'għadekx tara dibattitu politiku ta' livell għoli"

.     -  07/12/17 08:00 AM

Sa minn żmien il-Papa Piju XII, il-papiet dejjem qiesu l-politika bħala “forma għolja ta’ karità”. Tista’ titqies ukoll bħala servizz inestimabbli ta’ impenn għall-ġid komuni tas-soċjetà. Fuq kollox il-politika hi servizz: mhix il-qaddejja tal-ambizzjonijiet personali jew l-arroganza ta’ xi wħud.

Dawn l-osservazzjonijiet u oħrajn għamilhom il-Papa Franġisku f’messaġġ li bagħat lid-delegati ta’ laqgħa li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bejn politiċi mill-Amerika Latina u l-Konferenzi Episkopali tal-istess kontinent.

Bħala servizz, il-politika m’għandhiex tindaħal u tiggverna d-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tal-bniedem u tispiċċa f’awtokrazija jew totalitarjaniżmu.

Il-Papa qal li “meta nitkellem dwar totalitarjaniżmu mhux qed nitekellem dwar is-seklu l-ieħor imma dwar illum, dawn jeżistu anke fid-dinja tal-lum anke f’xi pajjiżi tal-Amerika t’Isfel”. 

Is-servizz ta’ Kristu – li ġie biex iservi u mhux biex ikun servut – u s-servizz li l-Mulej jitlob mill-Appostli u d-dixxipli jixbaħ lit-tip ta’ servizz li hu mitlub min-nies tal-politika. Hu servizz ta’ sagrifiċċju sal-punt li kultant il-politiċi jitqiesu bħala ‘martri’ tal-kawża tal-ġid komuni ta’ pajjiżhom, qal il-Papa fil-messaġġ tiegħu.

Il-punt fundamentali ta’ riferenza għal dan is-servizz, li jitlob perseveranza, impenn u intelliġenza, hu l-ġid komuni li mingħajru id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet nobbli tal-individwi, familji u gruppi, ma jistgħux jintlaħqu.

Il-ġid komuni jinħoloq f’atmosfera fejn it-tkabbir tal-persuna, tal-familja u tal-gruppi jista’ jiżviluppa.  Il-Konċilju Vatikan II iddefinixxa l-“ġid komuni” bħala is-somma ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali  fejn il-bniedem u l-familji jistgħu jimxu lejn il-perfezzjoni b’mod adegwat, fakkar il-Papa.

F’dan il-messaġġ il-Papa assigura lill-politiċi li “l-Knisja tfaħħar u tistma x-xogħol ta’ dawk li għall-ġid tal-bniedem jiddedikaw lilhom infushom għas-servizz tal-Istat u jerfgħu r-responsabbiltà ta’ dan l-uffiċċju”.

Min-naħa l-oħra hemm bżonn li tkun rijabilitata d-dinjità fil-politika. Kulħadd jista’ jara li m’għadx fadal kredibilità fil-gruppi politiċi, il-partiti politiċi jinsabu fi kriżi u ma jeżistix dibattitu politiku ta’ livell għoli fuq kwestjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk,  id-djalogu miftuħ u rispetabbli li jfittex politika ta’ konverġenza, inbidel f’tgħajjir u akkużi reċiproċi. Hemm ukoll nuqqas ta’ formazzjoni għal ġenerazzjonijiet politiċi ġodda.

“Hu għalhekk”, sostna l-Papa Franġisku, li “in-nies iħarsu mill-bogħod lejn il-politika u jikkritikaw lill-politiċi għax jarawhom bħala korporazzjoni ta’ professjonisti li jħarsu biss l-interessi tagħhom infushom jew jakkużawhom b’korruzzjoni”.

Huma l-politiċi nfushom li jistgu jibdlu dan billi verament jimpenjaw ruħhom favur il-ġid komuni.