Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-President tħeġġeġ biex l-NAO jissaħħaħ b’riformi kostituzzjonali

07/12/17 08:01 PM

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għamlet żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, fejn iltaqgħet fost l-oħrajn mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara.

F’laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-NAO, il-President qalet li dan l-uffiċċju għandu jkompli jissaħħaħ permezz tar-riformi kostituzzjonali. Qalet li tħares ’il quddiem li, anke fil-proċess tar-riforma kostituzzjonali, “wieħed jagħti daqqa t’għajn lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex dan l-istess uffiċċju, u l-funzjonijiet tiegħu, ikomplu jissaħħu”.

Il-President irringrazzjat lill-Awditur Ġenerali u lill-uffiċċju tiegħu tal-ħidma bla waqfien b’imparzjalità u integrità b’risq il-Maltin.

Iddiskriviet l-uffiċċju bħala pilastru li fuqu trid tistrieħ id-demokrazija, u bħala wieħed li “jagħti s-serħan tal-moħħ lill-poplu.”

Din iż-żjara ġabet fi tmiem l-attivitajiet organizzati mill-NAO matul din is-sena li fiha dan l-uffiċċju kostituzzjonali kien qed ifakkar l-għoxrin anniversarju minn meta l-Parlament, b’mod unanimu, approva l-emendi fil-kostituzzjoni li permezz tagħhom twaqqaf l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

L-Awditur Ġenerali, filwaqt li rringrazzja lill-President għas-sostenn tagħha għal dan l-uffiċċju, stqarr li t-tmexxija u l-ħaddiema kollha ta’ dan l-uffiċċju huma kommessi li jibqgħu jħarsu l-awtonomija li ġiet mogħtija lilhom għoxrin sena ilu.

Ritratti: DOI - Jason Borg