Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Jgħid li rrikonoxxa lil Ġerusalemm biex iġib il-paċi fil-Lvant Nofsani

Matthew Borg  -  07/12/17 06:38 AM

L-Arabja Sawdija kkundannat id-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, u ddeskriviha bħala deċiżjoni mhux ġustifikata u irresponsabbli.

Dil-mossa tal-President Donald Trump qalbet ta’ taħt fuq dak kollu li sar qablu minn presidenti oħra, fil-fatt l-Istati Uniti issa huwa wkoll l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala tali minn kemm ilu jeżisti Iżrael bħal stat, jiġifieri mill-1948.

Sadanittant, filwaqt li r-renju Sawdi kellu dawk l-aġġettivi għall-aġir ta’ Trump, sintendi l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li lbieraħ kenet ġurnata storika għal pajjiżu.

Ir-rikonoxximent ta’ Trump kien sinjifikattiv tali li minnufih 15-il pajjiż mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda sejħu għal laqgħa urġenti sal-aħħar tal-ġimgħa.

Id-deċiżjoni ta’ Trump mhix deċiżjoni kwalunkwe, jew li tista’ tgħaddi m’oħrajn li ma jħallux effett, u dan għax il-belt imqaddsa ta’ Ġerusalemm hija waħda mill-aktar xewkiet jaħarqu fil-kunflitt bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani.

L-Iżrael minn dejjem qies lil Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu, iżda l-Palestinjani jagħrfu l-Lvant tal-belt bħala l-kapitali tagħhom jekk xi darba jkun hemm stat Palestinjan indipendenti.

Issa li Trump irrikonoxxa lill-belt bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael, dan se jagħti ħafna aktar qawwa lill-Iżraeljani sabiex jokkupaw aktar djar fejn bħalissa hemm il-Palestinjani fil-Lvant tal-belt.

Aktar okkupazzjoni Iżraeljana f’art Palestinjana tfisser aktar Palestinjani mingħajr dar.

Fil-fatt dil-parti tal-belt kienet tgħaqqdet mill-Iżrael wara l-gwerra magħrufa bħala dik tas-Sitt Ijiem fl-1967, iżda qatt ma ġiet rikonoxxuta internazzjonalment bħala parti minn Iżrael.

Memmx xi ngħidu, id-deċiżjoni ta’ Trump waddbitu f’konfront mal-komunità internazzjonali li għandha għal qalbha s-sofferenzi tal-poplu Pastinjan.

Waqt diskorsu, Trump ħabbar ukoll li se jibda biex bilmod imexxi l-Ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv lejn Ġerusalemm, mossa oħra xejn gradevoli.

Dan kollu minkejja li qal li qed jagħmel dan għall-paċi bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani.