Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Jinstabu 8 mowbajls x'aktarx marbuta ma' delitti oħra

Matthew Borg  -  07/12/17 12:42 PM

L-aħwa Degiorgio, George u Alfred magħrufin bħala “ċ-Ċiniż” u “l-Fulu” rispettivament, tnejn mit-tliet akkużati ewlenin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, “kienu diġà ħadmu fuq minn tal-inqas 8 karozzi-bomba oħrajn”.

Il-ġurnal La Repubblica rrapporta li “ċ-Ċiniż” kien jarmi l-mowbajls li kien juża biex jiskatta l-isplussiv fl-istess post fil-baħar minn fejn kien jibgħat il-messaġġ.

Dan l-istess post deher fil-filmat tal-arrest tagħhom fl-inħawi magħrufa bħala “Ras il-Ħanżir” fil-Menqa tal-Marsa, u deher ukoll il-cabin cruiser li minn fuqu allegatament intbagħat il-messaġġ miċ-“Ċiniż”.

“L-aħwa Degiorgio kienu jaħdmu b’impunità liema bħalha, għax jafu li ħadd ma jista’ jagħmlilhom xejn”, irrimarka l-ġurnal li kompla jgħid li “ċ-Ċiniż” kellu Corvette u Audi Q7, meta fl-istess ħin lanqas kien jaħdem.

L-aħwa Degiorgio huma magħrufa mal-Pulizija, iżda qatt ma tressqu l-Qorti b’rabta ma’ każijiet ta’ bombi f’karozza.

Sadanittant, f’rapport separat, it-Times of Malta rrappurtat li l-investigazzjoni fil-każ tal-ġurnalista jista’ jixħet dawl fuq l-investigazzjonijiet l-oħra fejn kien hemm involuti karozzi-bomba.

Sorsi qalu lit-Times li l-persuni li qed imexxu l-investigazzjoni beħsiebhom jużaw l-istess għodda u teknoloġija biex jippruvaw isolvu l-każijiet l-oħra.

La Repubblica jkompli jgħid li l-aħwa aktarx ma kellhom ebda interess partikulari li jeliminaw lil Daphne Caruana Galizia, u dan ikompli jikkonferma li allegatament tqabbdu minn ħaddieħor, bħalma jista’ jagħti ħjiel il-fatt li l-aħwa allegatament ħadmu fuq bombi oħra f’każijiet separati.

Il-ġurnal jikkwota dak li qal wieħed mill-avukati tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, meta qal li m’hemm ebda rabta bejn l-akkużati u Daphne Caruana Galizia.

Azzopardi żied li dan jista’ jindika li biex jinstab min bagħathom wieħed irid jibqa’ tiela’ ’l fuq fir-relazzjonijiet li kellhom dawn l-akkużati ma’ persuni oħra.

Il-ġurnal jikkonkludi li dan jelimina l-ispekulazzjoni li min bagħat lill-qattiela hu involut fit-traffikar illegali tal-fjuwil mil-Libja, ipoteżi li kisbet popolarità ftit sigħat wara l-assassinju tal-ġurnalista.

Ikompli iżda li d-dawl issa jintefa’ fuq l-hekk deskritta minnu “għedewwa” ta’ Daphne Caruana Galizia, u hawnhekk jirreferi għal min kien fetħilha l-libelli fil-Qorti.

B’kollox il-ġurnalista kellha 47 każ ta’ libell kontrieha, kemm minn persuni assoċjati mal-Gvern Laburista, bħall-Prim Ministru, Joseph Muscat u l-Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona, iżda anki mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia.