Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Kif se tiċċelebra l-Milied l-orkestra nazzjonali?

Leon  Xuereb  -  07/12/17 11:40 AM

Il-mużika ta’ wieħed mill-ballets l-aktar popolari tad-dinja, The Nutcracker ta’ Tchaikovsky. se tindaqq f’kunċert li se torganizza l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Il-kunċert se jsir nhar il-15 ta' Diċembru fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, fejn se tittella’ tinda għall-okkażjoni.

Minkejja l-popolarità preżenti tiegħu, il-produzzjoni oriġinali tal-ballet, li ttellgħet għall-ewwel darba f’San Pietruburgu fl-1892, ma kenitx suċċess.

Però l-mużika ta’ Tchaikovsky kienet intlaqgħet tajjeb, u s-suite mużikali ta’ 20 minuta li l-kompożitur ħareġ mill-ballet kienet suċċess immedjat, tant li eventwalment għenet biex il-ballet innifsu jilħaq il-popolarità.

F’dan il-kunċert, li se jkun immexxi mid-direttur tal-orkestra Armenjan Sergey Smbatyan, l-orkestra se ddoqq selezzjoni estensiva ta’ mużika mill-ballet, li tinkludi l-mużika tas-suite mużikali li għenet tagħmlu ballet ikoniku.

Fl-ewwel parti ta’ dan il-kunċert se jindaqqu żewġ xogħlijiet ta’ kompożitur ieħor rinomat tal-era romantika, Felix Mendelssohn, bl-Overture to A Midsummer Night’s Dream, li nkitbet meta Mendelssohn kellu biss 17-il sena.

Warajha se jindaqq l-unika kunċert għall-vjolin li qatt kiteb, l-aħħar xogħol li l-kompożitur ikkompona għal orkestra kbira u wieħed mill-aktar kunċerti għall-vjolin rinomati. Għal dan il-kunċert se tingħaqad mal-orkestra il-vjolinista żagħżugħa Amerikana Esther Yoo, li ddoqq fuq vjolin Stradivarius tas-sena 1704 magħruf bħala l-Prince Obolensky, li hu misluf lilha minn kollettur privat.

Biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinxtraw minn fuq ticketline.com.mt.

Ritratt: MPO