Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Masterplan ġdid għall-promenade ta' Marsalforn

06/12/17 09:09 PM

Ir-ristoranti fil-promenade ta’ Marsalforn mistennija li jkollhom l-istess stil biex jaqbel mal-ambjent.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat masterplan li permezz tiegħu se tassigura li jkun hemm stil wieħed adottat mir-ristoranti u l-ħwienet kollha li jbiegħu l-ikel fil-promenade ta’ Marsalforn.

Permezz ta’ dan il-masterplan is-sidien tal-ħwienet se jkunu jistgħu jagħżlu mwejjed, siġġijiet u tined li jkunu jaqblu mal-istil magħżul.

Il-masterplan qed iservi wkoll biex is-sidien tar-ristoranti ma jpoġġux imwejjed f’postijiet riservati għall-pubbliku, għar-residenti u għas-sajjieda tal-Menqa.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-masterplan kien sottomess mill-Ministeru għal Għawdex u jirrikjedi li l-art tkun pavimentata bil-porfido filwaqt li l-aċċess mill-karozzi jkun biss għal dawk li jkunu qed jagħtu servizz f’ħin ristrett.

Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Guzepp, Triq ir-Rabat u Misrah Sir Michelangelo Refalo huma inklużi fil-masterplan li jkopri 12,850 metru kwadru ta’ art.

L-Awtorità qalet li s-sidien u l-operaturi ta’ dawn il-ħwienet jistgħu japplikaw mal-awtoritajiet biex jokkupaw is-siti riservati għall-użu tagħhom.