Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Michelle Muscat b'żewġ unuri

Matthew Borg  -  07/12/17 08:10 AM

Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, ġiet rikonoxxuta bħala l-voluntiera tas-sena għall-2017, kif ukoll ingħatat rikonoxximent internazzjonali għax-xogħol tagħha fil-qasam politiku u filantropiku mill-organizzazzjoni Celebrating Women International.

Fi stqarrija mill-grupp Nisa Laburisti (NL) fi ħdan il-Partit Laburista, intqal li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għaraf il-ħidma mingħajr skużi ta’ Muscat u l-appoġġ li hi toffri lin-nies flimkien mal-Fondazzjoni Marigold u l-Alleanza Nazzjonali dwar Mard Rari.  

Il-President ta’ Nisa Laburisti, Claudette Abela Baldacchino, qalet li l-kontribut ta’ Muscat f'dan il-qasam huwa ferm kbir, għax fejn is-Sinjura Muscat taħdem għaż-żgħir u l-batut.

F'isem Nisa Laburisti u l-Partit Laburista, Abela Baldacchino awgurat lis-Sinjura Muscat u lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-volontarjat.

Barra minn dan, fiċ-ċerimonja li fiha ngħatat ir-rikonoxximent internazzjonali, kien hemm ma' Michelle 15-il personalità internazzjonali fl-oqsma politiċi, filantropiċi u tan-negozju minn madwar il-Commonwealth u d-dinja.

Din saret f'Nassauil-Bahamas, taħt l-awspiċi tal-Gvernatur Ġenerali tal-pajjiż, Marguerite Pindling.

Matul din iż-żjara saru diversi preżentazzjonijiet dwar il-ħidma tal-Fondazzjoni Marigold, bil-għan li din il-fondazzjoni żżid il-firxa tagħha u anki jkollha relazzjonijiet ma’ għaqdiet oħra minn madwar il-Commonwealth. 

Dan qed isir bi preparazzjoni għas-Summit tal-Commonwealth li se jsir is-sena d-dieħla f’Londra.

F’Ottubru li għadda, Michelle Muscat tkellemet fuq RTK dwar l-attivitajiet għal Pink October u l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider fin-nisa, u aktar kmieni f’Lulju qasmet minn Fra Ben għall-Port ta’ Marsamxett,

dik li hi attività annwali biex tiġbor fondi għall-Fondazzjoni Marigold, li tagħha hi ċ-ċermen, biex tgħin lill-atleti tal-ispecial olympics.

Dawn huma r-rebbieħa l-oħra waqt is-serata tal-Premju għall-Voluntier tas-Sena 2017:

Il-Premju tal-Volontarjat għaż-Żgħażagħ: Hayley Buttigieg (Tgħanniqa)

Il-Premju tal-Volontarjat għall-Għaqdiet: Ċentru Tbexbix

Il-Premji tal-Volontarjat għall-Korporazzjonijiet: il-Bank HSBC

Kien hemm persuni oħra li ssemmew b’distinzjoni, li huma Carol Fenech mill-Klabb tal-Isports tal-Baħar ta’ Marsaxlokk u Louise Bajada għall-Fondazzjoni Inspire fil-kategorija tal-premju għall-voluntier tas-sena, u fil-kategorija taż-żgħażagħ issemmiet Rachel Portelli mill-Għaqda Maltija Kontra d-Dijabete.

Il-premji ġew ippreżentati mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima, akkumpanjat miċ-Ċerpersin tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Nathan Farrugia.