Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Raġġ ta' dawl għall-istudenti u l-għalliema tal-MCAST

Christoph  Schwaiger  -  07/12/17 07:45 PM

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qalet li l-amministrazzjoni tal-MCAST ipproponiet li ssir laqgħa kmieni l-ġimgħa d-dieħla biex tiġi spjegata l-pożizzjoni finanzjarja tal-ftehim kolllettiv.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li se tkun qed tanalizza din il-proposta u se tinforma lill-membri tagħha bl-iżviluppi.

Madanakollu, l-MUT għamlitha ċara li s’issa d-direttivi kollha u l-istrajk tal-15 ta’ Diċembru għadhom ippjanati li jsiru.

Fl-istqarrija, l-MUT żiedet tgħid li tikkundanna l-fatt li l-edukaturi fl-MCAST qed jiġi kkritikati għall-fatt li qed jitolbu kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi adegwati.

Il-President tal-unjin, Marco Bonnici, qal li jifhem it-tħassib tal-istudenti iżda qal li jinsab ċert li jaqblu li l-għalliema tagħhom għandhom jiġu rispettati permezz ta’ kundizzjonijiet tajbin.

Studenta tal-MCAST kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt kif minħabba l-azzjoni industrijali tal-għalliema, is-sitwazzjoni kurrenti fl-istituzzjoni edukattiva li tattendi, qed thedded l-edukazzjoni tal-istudenti.

L-istudenta spjegat li l-istudenti mhux se jkunu qed jingħataw feedback jew marki fuq ix-xogħol tagħhom.

Hi staqsiet: “Kif se nkunu nafu fejn irridu ntejbu x-xogħol tagħna? Kif se nitgħallmu jekk ma ningħatawx feedback?”

Intant, il-Kunsill Studenti MCAST (KSM) ħareġ stqarrija li fiha ħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-MCAST biex jissottomettu kontraproposta għall-ftehim kollettiv li qed jiġi nnegozjat bejn l-iskola u l-unjin.

L-MUT kienet iddikjarat fi stqarrija li għandha tilwima kummerċjali mal-MCAST wara li dawn tal-aħħar naqsu milli jipprovdu kontroproposta għall-qbil kollettiv li qiegħed ikun innegozjat.