Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Tirriżenja l-Prim Ministru tal-Polonja

07/12/17 09:27 PM

Il-Prim Ministru Pollakka Beata Szydlo rriżenjat u minflok mistenni li jiġi maħtur Mateusz Morawiecki li fil-preżent hu l-Ministru tal-Finanzi.

Din l-aħbar ġiet wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni anke jekk il-partit tagħha, il-partit konservattiv Liġi u Ġustizzja, PiS, huwa b’saħħtu mal-elettorat Pollakk.

Dalgħodu, Szydlo rebħet vot ta' sfiduċja fil-Parlament imressaq mill-Oppożizzjoni, iżda ftit sigħat wara, il-Partit tagħha talaba tirriżenja.

Kelliema tal-partit qalet li t-tmexxija tal-Partit trid li Szydlo tokkupa kariga oħra importanti fil-Gvern, mingħajr ma speċifikat liema se tkun din il-kariga.

Fl-aħħar xhur, il-Polonja kienet iċ-ċentru ta’ diskussjoni Ewropea hekk kif il-partit konservattiv PiS kien għadda riformi ġudizzjarji mill-Parlament li kienu meqjusa bħala kontroversjali minħabba li jagħtu poteri lill-Gvern fl-oqsma ġudizzjarji.

Il-proposti kienu segwiti minn għadd ta’ protesti.

Il-Papa Franġisku kien qabel mad-deċiżjoni tal-President Pollakk, Andrzej Duda, li f’Lulju li għadda uża s-saħħa tal-veto biex iwaqqaf dawn ir-riformi ġudizzjarji, biex b’hekk m’għaddewx.