Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

UEFA Champions League: Real Madrid u Bayern Munich jirbħu faċilment

Kris  Gilson  -  15/02/17 11:03 PM

Real Madrid u Bayern Munich irreġistraw rebħiet komdi f'darhom kontra Napoli u Arsenal rispettivament hekk kif illejla ssoktat il-UEFA Champions League b'żewġ logħbiet oħra mill-fażi tal-Aħħar 16.

Il-Madrileni rebħu bl-iskor ta' 3-1 f'partita li dehret se tikkomplika ruħha għalihom wara li sofrew gowl wara biss 8 minuti b'xutt sabiħ ta' Lorenzo Insigne minn distanza notevoli bil-gowler ta' Real Madrid jinqabad barra minn postu.

Madankollu, Karim Benzema ġab id-dro b'daqqa ta' ras preċiża fid-19-il minuta.

Biex fit-tieni taqsima, wara biss tliet minuti Toni Kroos tefa' lil Real fil-vantaġġ b'first timer sabiħ minn assist ta' Cristiano Ronaldo, u ħames minuti wara kien Casemiro li ssiġilla r-rebħa b'xutt b'saħħtu minn tarf il-kaxxa li jegħleb għal kollox lil Pepe Reina.

B'din it-telfa, Napoli jibqgħu b'tamiet remoti, komdi biss mill-fatt li rnexxielhom jiskurjaw gowl barra minn darhom.

Intant fil-partita l-oħra, Bayern Munich tefgħu sieq ġewwa fil-Kwarti Finali b'tidwira fuq Arsenal bl-iskor ta' 5-1.

Bayern fetħu l-iskor permezz tal-veteran Arjen Robben wara biss għaxar minuti, iżda Arsenal għalqu l-ewwel taqsima fi dro ta' 1-1 minn azzjoni ta' penalty dubjuż, li minnu Alexis Sanchez l-ewwel falla biex imbagħad skorja mir-rebound.

Fit-tieni taqsima, Bayern wittew it-triq għal rebħa faċli, l-ewwel permezz tas-solitu Robert Lewandowski li skorja l-gowl tal-vantaġġ wara tmien minuti imbagħad permezz ta' doppjetta ta' Thiago Alcantara f'temp ta' tmien minuti.

Żewġ minuti mit-tmiem, Thomas Müller skorja l-ħames gowl li jaqta' kważi kull tama li seta' kien fadlilhom Arsenal li jippruvaw jgħaddu għall-fażi li jmiss.


Ritratt: UEFA.com