Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Adrian Delia bi stedina għall-Prim Ministru   |  Arrestati aktar uffiċjali Katalani   |  "Is-siġġu tan-nies" - Ivan Bartolo; Cordina se jibqa’; Marlene qed tagħmel suwiċidju - Briguglio   |  Puli ma jgħidx hux lest li jċedi s-siġġu; pressjoni fuq Schiavone   |  L-Arċisqof iħeġġeġ lill-għalliema biex ikollhom stil san ta’ ħajja

"Gvern Nazzjonalista ġdid jerġa' jinnegozja mill-ġdid il-proġett kollu tal-enerġija" - Simon Busuttil

Matthew Borg  -  16/02/17 03:00 PM

Fl-intervent tiegħu waqt il-mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista (PN) sabiex il-Gvern jippubblika l-kuntratti kollha relatati mal-powerstation tal-gass, kemm dawk mal-ElectroGas kif ukoll dawk max-Shangai Electric, Simon Busuttil wiegħed li jinnegozja mill-ġdid il-proġett kollu tal-enerġija.

“Ladarba fil-gvern, nerġgħu nduru l-kuntratti kollha ffirmati minn Konrad Mizzi u Keith Schembri” – Simon Busuttil

Hekk fetaħ id-diskors tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni, waqt li assigura li ladarba jilħaq prim ministru ta’ Malta, it-tanker tal-gass jitneħħa minnufih mill-bajja ta’ Marsaxlokk.

Busuttil sostna dak li qalet Marlene Farrugia fl-istess mozzjoni dwar il-prezz taż-żejt, u rrimarka li l-kontijiet tad-dawl raħsu wkoll bis-saħħa tal-impjant tal-BWSC u l-interconnector, proġetti tal-Partit Nazzjonalista.

Saħaq li l-interconnector għadu sors ewlieni tal-enerġija f’Malta, u dan deher il-ġimgħa l-oħra meta ħsara fih fissret qtugħ ta’ dawl estensiv.

Waqt it-taħdita tiegħu, Busuttil deher iqatta’ kopji tal-kuntratt ippubblikat mill-Gvern jumejn ilu, waqt li aċċenna l-inutilità tiegħu minħabba l-informazzjoni ċċensurata li fih.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ sfida lill-Prim Ministru biex jgħid ta’ min hi t-tielet kumpanija fil-Panama, l-Egrant, jekk dejjem mhijiex tiegħu.

“Gvern Nazzjonalista preċedenti għamel l-istess ħaġa bħall-Gvern Laburista”– Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu billi semma kif gvern Nazzjonalista la kien ippubblika l-kuntratti tal-privatizzazzjoni tal-AirMalta, la l-kuntratti tal-Maltco u lanqas tal-Liquigas.

Irrimarka li lanqas mozzjoni bħal din ma tkun biżżejjed biex jiġu ppubblikati, u saħaq li minkejja dawn il-kuntratti mhux ippubblikati tal-PN, huwa qatt ma ta x’jifhem li ġieh suspett dwarhom, kif qed tagħmel l-Oppożizzjoni issa.

Enfasizza li xi partijiet tħallew barra mill-kuntratt minħabba sensittività kummerċjali li trid tiġi protetta. Aċċenna li l-Gvern ippubblika l-kuntratti u ma qagħadx jistenna lill-Kummissjoni Ewropea tapprovahom, jew lill-Oppożizzjoni tressaq il-mozzjoni tagħha.

Wara li sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex iġib provi li huwa involut fl-iskandlu tal-Panama, widdbu biex ma jkomplix jinħeba wara s-siġġu parlamentari.

Din il-mozzjoni tressqet mill-Viċi Kap tal-PN, Mario De Marco, għalhekk kien hu li beda bl-ewwel diskors.

“Ippubblikajtu biss biċċiet mill-kuntratt, tant li lanqas jista’ jiġi eżaminat” – Mario De Marco

De Marco beda billi enfasizza li l-kuntratt ippubblikat nhar it-Tlieta jħalli lill-Oppożizzjoni u lill-poplu b’bosta mistoqsijiet mhux imwieġba, u dan għax l-aktar partijiet li jolqtu huma iċċensurati.

Sostna li dan juri li l-Gvern daħal għal negozjar li aktarx wassal għal diffikultà biex ikun kapaċi jinnegozja prezz tajjeb għad-dawl, b’hekk ma ppubblikax informazzjoni relevanti.

Fost l-oħrajn, irrimarka De Marco, inżammew fid-dlam it-tariffi li bihom l-Enemalta se tixtri d-dawl mill-ElectroGas u mill-impjant tal-BWSC. Inżamm mistur ukoll kemm ikkommetta ruħu l-Gvern li jixtri dawl fit-18-il sena li ġejjin.

Il-viċi kap qal li dan kollu ħalla lill-Oppożizzjoni mingħajr għodda biex tiskrutinja l-kuntratt, u l-effetti tiegħu fuq il-poplu.

“Il-politika li addottajna fissret tariffi orħos tad-dawl, u arja nadifa” – Edward Zammit Lewis

Il-Ministru għat-Turiżmu bi tweġiba saħaq li li kieku l-Gvern ma mexiex kif mexa mal-Enemalta, kieku l-aġenziji tal-akkreditar ma kinux jikklassifikaw lil kumpanija b’mod pożittiv, u l-biljun ewro dejn li kellha kien ikisser lill-ekonomija Maltija.

Fl-intervent tagħha Marlene Farrugia, il-mexxej tal-Partit Demokratiku, innutat li għalkemm il-prezz taż-żejt kien roħos b’66%, il-konsumaturi esperjenzjaw traħħis ta’ 50% biss fil-kontijiet tad-dawl. Qalet li l-impjant tal-BWSC kien effiċjenti, u għalhekk l-ispejjeż kienu inqas.

“L-akbar ftehim li qatt sar bejn il-Gvern Malti u konsorzju privat” – Claudio Grech

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech tkellem wara, u sostna li dil-mozzjoni hija f’waqtha, għax dak li tħalla barra mill-kuntratt ixekkel il-kapaċità tal-poplu li jsir jaf bil-valur proprju tal-flus li ntefqu.

Aċċentwa li d-dubji li mbuttaw biex il-mozzjoni titressaq huma bosta, fosthom it-telf ta’ €14-il miljun minħabba ftehim żbaljat dwar hedging mas-SOCAR, il-kumpanija statati taż-żejt fl-Ażerbajġan, it-tkaxkir tas-saqajn biex tlesta l-proġett, wara wegħda elettorali li kellu jitlesta f’sentejn, u l-garanzija mhux mistennija ta’ €88 miljun mill-BOV lil ElectroGas.

Għal din l-istqarrija ta’ Grech, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wieġeb li għalkemm il-garanzija mill-bank mhix xi ħaġa li ssir kuljum “dejjem hemm l-ewwel darba”.

Seddaq l-agument tiegħu billi semma kif gvern preċedenti uża miżuri estremi wkoll, fosthom biex jinbena l-Parlament u biex immaniġġja d-dejn ta’ Delimara 1.

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus, ħabbar li sorsi infurmawh li Shangai Electric talbet €500 għal kull siegħa li turbina tkun wieqfa tistenna biex topera, li jammona għal €100,000 kuljum għal tmien turbini. Callus sfida lill-Ministru Scicluna biex jikkonfermalu dawn iċ-ċifri.

Ritratt: Arkivji- Ian Noel Pace