Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Vann jidħol f'folla nies f'Barċellona; diversi midruba

​“Il-liġi tal-midja: tiranna u redikola” - Dr Ġorġ Mallia, Kap tad-Dipartiment tal-Midja

Charmaine  Attard   -  17/02/17 06:08 PM

Karikatura li tella’ fuq Facebook Dr Ġorġ Mallia, il-kartunista u Kap tad-Dipartiment tal-Midja fl-Università ta’ Malta, qajmet reazzjonijiet diversi fosthom mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi u mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia.

Il-karikatura turi raġel mgħallaq għax “nesa jirreġistra l-paġna ta’ Facebook tiegħu, skont il-liġi l-ġdida dwar il-malafama.”

Dr Mallia saħaq li l-abbozz ta’ liġi tal-istampa jinkludi “miżura tiranna u redikola” li timplika li l-Gvern huwa awtokratiku.

Il-kartunista spjegalhom li l-abbozz qrah mill-bidu sal-aħħar qabel pinġa l-karikatura, u li għalkemm jaqbel ma’ partijiet minnu fosthom mat-tneħħija tal-libell kriminali u tas-sekwestru finanzjarju, stqarr li ma jaqbilx li wieħed irid jirreġistra biex ikun jista’ jesprimi ruħu.

Talab lill-Gvern biex jirrevedi l-leġiżlazzjoni li titlob reġistrazzjoni ta’ dan it-tip, għax “liġi ma tistax tindaħal fid-dritt tal-individwu li jgħid xi jħoss, f’ambjent ħieles, sakemm mhux f’sitwazzjonijiet dittatorjali.”

"Abbozz perikoluż" - Dr Ġorġ Mallia

Ġorġ Mallia spjega li mhux lakemm tiddefinixxi kumment ġurnalistiku u fejn wieħed jista’ jaqta’ linja. Stieden lill-Ministru Bonniċi u lil Kurt Farrugia biex jerġgħu jaħsbuha u jifhmu x’timplika liġi bħal din.

Talabhom ukoll biex jibdlu l-kliem li ntuża fl-abbozz u jkunu ċari u mhux vagi f’dak li jridu jgħidu. Spjega li fejn hemm lok għall-interpretazzjoni hemm lok għall-abbuż, kif ukoll iġġiegħel lill-poplu jissuspetta li dan qed isir b’għanijiet ulterjuri.

Il-lekċerer tal-midja ddeskriva din il-parti tal-abbozz bħala “perikoluża.”

“L-abbozz ta’ liġi mhux forma ta’ sarima” – Kurt Farrugia

Min-naħa tiegħu Kurt Farrugia ammetta li hemm partijiet fl-abbozz li jridu jiġu mtejba u li min irid jikkontribwixxi għalihom għad għandu l-ħin. Stqarr li jekk wieħed iħares lejh b’mod oġġettiv, l-abbozz ta’ liġi mhux forma ta’ sarima.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern spjega li din hi miżura għas-siti tal-aħbarijiet u dawk dwar affarijiet kurrenti, li jridu jiġu rreġistrati minn editur sabiex jiġu rikonoxxuti bħala websajt tal-ahbarijiet akkreditata.

Saħaq li l-liġi l-ġdida tmur kontra l-ideat tat-tiranija u l-awtokrazija, għax tagħti aktar drittijiet lill-ġurnalisti u aktar libertà tal-espressjoni.  Żied jgħid li m’hemm l-ebda attentat li l-liġi tikkontrolla l-internet jew li toħloq xi fruntieri.

“L-għan tal-abbozz hu ta’ trasparenza” – il-Ministru Owen Bonniċi

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi rrepeta l-argumenti ta’ Kurt Farrugia, filwaqt li saħaq li l-għan tal-abbozz hu wieħed ta’ trasparenza.

Sadanittant fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru ta' Bonnici qalet li l-liġijiet tal-midja mhux biss qed jiftħu bibien ġodda għal-libertà tal-espressjoni tal-ġurnalisti, imma qed juru li l-Gvern qed jimmodernizza l-liġijiet, biex ikunu simili, jew f'xi ċirkostanzi aħjar, minn dawk f'demokraziji moderni.

Il-Ministeru stqarr li r-reġistrazzjoni ta' siti tal-aħbarijiet onlajn hi biss estensjoni ta' dak li jeżisti llum għall-istazzjonijiet li jxandru.

Qal ukoll li l-gazzetti u l-istazzjonijiet ilhom jirreġistraw l-isem tal-editur tagħhom mill-1975, meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-istampa.