Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Żewġ anzjani gravi wara li ttajru viċin Mater Dei   |  "Ma nistgħux nużaw il-liġi mingħajr sens ta' ġustizzja soċjali" - Neil Falzon   |  Awdjo: "Nittama li dan kien preċedent li kulħadd tgħallem minnu" - Il-President   |  Donald Trump jerġa' jattakka l-midja Amerikana

Il-ġurnalisti ma jitħallewx jieħdu ritratti “tat-titjib fiċ-ċentru ta’ detenzjoni”

Charmaine  Attard   -  17/02/17 03:53 PM

Il-ġurnalisti mhux jitħallew jidħlu fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi biex jieħdu ritratti ġodda tat-titjib li qed jintqal li sar.

B’reazzjoni għall-intervista ta’ Newsbook.com.mt ma’ wieħed mid-disa’ persuni mill-Mali li l-ġimgħa li għaddiet inħelsu wara tliet xhur maqfula fiċ-ċentru, il-Kap tal-Ħidma tas-Servizz ta’ Detenzjoni Mario Schembri qal li fiċ-ċentru sar ħafna titjib.

Żied jgħid li r-ritratti fil-filmat li jakkumpanja l-intervista huma antiki u li ttieħdu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni snin ilu. Saħaq li dawn ir-ritratti qed jagħtu dehra żbaljata tal-kundizzjonijiet attwali.

Madanakollu minkejja t-tieni talba fi ftit xhur minn Newsbook.com.mt biex jieħu ritratti ġodda taċ-ċentru, it-tweġiba tal-istess uffiċjal kienet li “aċċess għaċ-ċentri tad-detenzjoni jingħata biss lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u professjonisti li joffru servizz lill-immigranti.”

Mario Schembri qal li dak li qed jgħid l-immigrant dwar is-Servizz ta’ Detenzjoni hu ‘l bogħod mir-realtà. Kompla jgħid li fiċ-ċentru sar ħafna xogħol ta’ ristrutturar u titjib fl-akkomodazzjoni fejn jinżammu l-immigranti.  Saħaq li llum lanqas jeżisti l-iffullar li kien hemm fis-snin l-imgħoddija.

Schembri qal li malli jaslu fiċ-ċentru, l-immigranti jingħataw affarijiet essenzjali bħal gvieret, lożor, imħaded, affarijiet biex jinħaslu bihom, xugamani, ilbies ta’ taħt u ta’ fuq, peduni u slippers.

Minkejja li l-Maljan Diamborou Diarra qal li xi kultant kienet tinqabżilhom l-ikla ta’ filgħodu, il-Kap tas-Servizzi ta’ Detenzjoni semma kif fid-detenzjoni l-immigranti jingħataw tlett ikliet kuljum, fit-8am, fin-12.30pm u fis-6.30pm. Stqarr li l-ikel ippreparat minn kuntrattur, ikun spezzjonat malli jasal fiċ-ċentru biex jiġi assigurat li hu ta’ kwalità tajba.

“L-ikel hu varjat u mqassam fuq menu li jinbidel kulljum fuq bażi ta’ 15-il ġurnata.  L-ikel jitqassam individwalment lil kull immigrant biex jiġi assigurat li kulħadd jieħu sehmu. Ma’ kull ikla jitqassmu wkoll frieket, skieken u tazzi tal-plastik,” kompla jgħid.

Temm ir-reazzjoni tiegħu dwar kif il-kundizzjonijiet fiċ-ċentru huma mgħassa minn diversi NGOs lokali u internazzjonali, kif ukoll minn Bord ta’ Moniteraġġ għall-Persuni Miżmuma, u għaldaqstant ma jistgħux ikunu ħżiena.