Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Żewġ anzjani gravi wara li ttajru viċin Mater Dei   |  "Ma nistgħux nużaw il-liġi mingħajr sens ta' ġustizzja soċjali" - Neil Falzon   |  Awdjo: "Nittama li dan kien preċedent li kulħadd tgħallem minnu" - Il-President   |  Donald Trump jerġa' jattakka l-midja Amerikana

Filmat: "Dawn it-tfal bla stat m'hemm ħadd min jipproteġihom" - Dr Katrine Camilleri

Matthew Borg  -  17/02/17 11:20 AM

Kif inhi l-Liġi Maltija bħalissa, persuni barranin li jgħixu f’Malta u li b’xi mod jew ieħor huma vulnerabbli għax huma stateless, mhumiex indirizzati, u aktar minn hekk m’hemmx proċeduri sabiex dawn jiġu identifikati u sussegwentament kriterji sabiex jingħataw l-għajnuna.

Dan ikkonfermatu d-Direttur tal-Jesuit Refugee Service (JRS), Dr Katrine Camilleri, lil Newsbook.com.mt, b’referenza għal numru ta’ rakkomandazzjonijiet minn għaqdiet u persuni, fosthom il-kummenti tal-Arċisqof Charles Scicluna dwar it-tfal tal-immigranti li jitwieldu Malta.

Il-persuni li l-JRS speċifikament taħdem magħhom huma migranti li qed ifittxu l-ażil, għalhekk tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet u l-interventi li jsiru għax dawn ikollhom effett fuq l-istampa aktar ġenerali tal-immigrazzjoni.

“Li tkun bla stat mhijex l-istess li tkun refuġjat, għalkemm hemm rabta”

Dr Camilleri enfasizzat li dan in-nuqqas ta’ rikonoxximent legali jġegħlek titħasseb, speċjalment f’Malta fejn tant għandna bżonnu.

Kompliet billi rrimarkat li t-tfal ta’ migranti huma kategorija partikulari ta’ persuni bla stat. Dan għaliex jitwieldu Malta minn ġenituri migranti li ma jkollhomx ċittadinanza Maltija, u għalhekk ħadd ma jkun jista’ jagħtihom protezzjoni statali, għax ma jkunu jsejħu għal ebda stat fid-dinja.

Dawn it-tfal innoċenti jsibu problemi ta’ dokumentazzjoni, nuqqas ta’ eliġibiltà għal servizzi essenzjali bħas-saħħa, u dritt għal benefiċċji oħra.

Semmiet li anki n-Nazzjonijiet Magħquda kkunsidraw din is-sitwazzjoni, filwaqt li f’Malta għad irid ikun hemm qafas legali li jindirizzaha.

“Il-protezzjoni aħna noħduha for granted għax nitwieldu biha”

Id-direttur tal-JRS qalet li huma jemmnu li kulħadd għandu jkollu nazzjonalità lil min isejjaħ f’ħajtu, u għalhekk in-naturalizzazzjoni, speċjalment ta’ dawn it-tfal, għandha tiġi iffaċilitata mill-Gvern Malti.

Dawn l-individwi għandhom l-ewwel jingħataw status legali, imbagħad iċ-ċittadinanza, la jkunu twieldu hawn. Dr Camilleri sostniet li dan japplika wkoll għal dawk li jkunu ilhom is-snin jgħixu u jaħdmu f’Malta

Temmet l-intervent tagħha ma’ Newsbook.com.mt billi rrimarkat li hawn wisq ftit persuni f’Malta li ngħataw iċ-ċittadinanza, meta tqis li hawn ħafna aktar li ilhom jikkontribwixxu fil-pajjiż.

Dan qed iwassal biex dawn il-persuni ma jħossuhom qatt li jappartjenu xi mkien li jistgħu isejħu “dari”, u dan jimbuttahom ikomplu l-vjaġġ perikoluż lil hinn minn Malta, vjaġġ li jista’ jtemmilhom ħajjithom.

Riċentement sar ukoll studju dwar il-faqar li jinsabu fih migranti f'Malta.