Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

Kewkba mill-palk għal ġol-klassi

11/03/17 08:07 AM

L-istudenti kollha tas-sitt sena tal-iskola primarja Happy School fir-Rabat Għawdex, waqt li kienu qed jippreparaw biex jitgħallmu kif jagħmlu u jiktbu intervista, magħhom waqt il-lezzjoni kellhom mistiedna speċjali li żarithom fil-klassi: il-kantanta Janice Mangion u l-awtur tal-kanzunetta Kewkba Emil Calleja Bayliss.

Wara li flimkien mal-għalliema tagħhom permezz ta’ lezzjoni preparatorja l-istudenti fehmu x’inhu l-ġeneru tal-intervista, meta ġew biex jagħmlu l-intervista sabu magħhom fil-klassi lil Janice Mangion il-kantanta li paxxiet lil eluf ta’ Malta bil-kanzunetta Kewkba. li l-poplu poġġiha t-tieni fil-Malta Eurovision Song Contest ta’ ftit ġranet ilu.

Kif jidher fil-filmat, l-istudenti l-ewwel laqgħu lill-mistednin. Wara, irreferew għal dak li ddiskutew mal-għalliema tagħhom dwar il-ġeneru tal-intervista u fasslu huma stess id-domandi lill-kantanta.

Wara li semgħu tajjeb dak li qalulhom il-mistednin u ħadu noti, l-istudenti setgħu ukoll jipprattikaw kif wieħed jista’ jirrapporta intervista. Dan għamluh billi fil-preżenza tal-kantanta, l-istudenti ġabru fi kliemhom dak li ħareġ mill-intervista.

F’kummenti esklussivi lil Newsbook.com.mt il-kantanta Janice Mangion u l-awtur Emil Calleja Bayliss iddeskrivew l-esperjenza fl-iskola tar-Rabat Għawdex bħala waħda “ferm pożittiva fejn rajna quddiem għajnejna l-entużjażmu tat-tfal kollha li kienu qed jistennewna b’ħerqa kbira. Meta dħalna fil-klassi għall-intervista stajna nindunaw li t-tfal kienu ħerqana biex jistaqsu l-mistoqsijiet li ħejjew huma stess fil-klassi. L-għalliema spjegawlna li dan hu parti mis-sillabu li jippreparaw intervista u li t-tfal kellhom iċ-ċans grazzi għal da nil-proġett Learning through the Eurovision li dak li preparaw fil-klassi jużawh b’mod konkret biex jaqtgħu ftit mill-kurżitajiet li kellhom”.

Min-naħa tiegħu, Is-Surmast tal-iskola Lelio Spiteri qal li dan il-proġett kien esperjenza sabiħa oħra għall-istudenti tal-Happy School. Fi kliemu: “l-istudenti tgħallmu bil-Eurovision Song Contest, xi ħaġa li tant iħobbu. It-taħriġ fil-lingwa sar b’mod mill-aktar pjaċevoli, allura t-tfal ħadu gost jitgħallmu. L-intervista lil Janice Mangion, ir-rapurtaġġ ta’ dak li ntqal u l-feedback mogħti lill-istudenti mill-istess kantanta u l-awtur tal-kanzunetta Kewkba kien l-qofol tal-lezzjoni. L-iskola temmen li dan hu l-mod kif għandu jsir it-tagħlim kollu fil-klassijiet ta’ żmienna”.

Il-proġett Learning through the Eurovision: a multimodal research project tnieda minn Dr. George Cremona tal-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Universita ta' Malta fl-2014.

Il-proġett igawdi popolarita kbira qalb l-iskejjel. Infatti sa minn meta beda, skejjel primarji, sekondarji u anke skejjel f’livell aktar avvanzat bħall-Junior College fl-Imsida involvew ruħhom b’mod attiv ħafna fil-proġett.

Fi ftit xhur minn meta tnieda l-proġett, il-proġett edukattiv ta’ riċerka laqa’ stediniet mhux biss f’Malta imma anke fi skejjel, universitajiet u f’kuntesti edukattiv f’ pajjiżi varji Ewropej fosthom l-Iżvezja, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u dalwaqt fl-Iżvizzera u l-Ukraina.

.