Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Ikompli l-battibekk fuq id-donazzjonijiet tal-partiti

Lara Michelle Camilleri  -  13/03/17 04:15 PM

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qalu li l-fatt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sab qagħda finanzjarja ħażina fil-PN, ma jagħtihx liċenzja li jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici qal li l-akbar gidba li qatt qal Simon Busuttil kienet meta sostna li l-liġi tal-finanzjament tal-partiti ma tapplikax għall-kumpaniji tal-partiti.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Zammit Lewis fakkar kif Simon Busuttil kien saħaq li kien se jirritorna l-flus li rċieva mingħand db Group għax fil-fehma tiegħu kienu flus maħmuġin. Fakkar ukoll kif ftit wara, Simon Busuttil stqarr li ma kien se jagħti xejn lura ħalli ma jidhirx li kienet saret xi ħaġa ħażina.

Barra minn hekk, il-Ministru Zammit Lewis talab lil Simon Busuttil biex jgħid jekk hemmx arranġamenti oħra ma’ negozjati oħrajn biex iħallsulu l-pagi kif ukoll biex jippubblika l-fatturi hekk imsejħa foloz.

“L-uniku partit li kiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti hu l-Partit Laburista” – Partit Nazzjonalista

F’reazzjoni, il-PN qal li l-uniku parti li mhuwiex konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti hu l-partit tagħhom stess.

Dan hekk kif ma rreġistrax bħala partit politiku fi żmien definit tal-liġi, ma ppreżentax il-lista ta’ donazzjonijiet li rċieva s-sena li għaddiet u għandu l-uffiċjali tiegħu mħallsa mill-Gvern b’total ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fis-sena.

Il-PN kompla jgħid kif diġà spjega r-rabta kummerċjali li Medialink kellha ma’ kumpaniji li hu involut fihom Silvio Debono; liema rabta kienet tikkonsisti fi sponsorship tal-programmi fuq l-istazzjon NET TV u li fl-2016 ammontaw għal total ta’ €70,800 bil-VAT b’kollox.

Il-PN temm jgħid li din ir-rabta kummerċjali hi konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.