Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

Fundación Mapfre tħabbar il-ħames edizzjoni ta’ "Ċaqlaq"

Karl  Wright  -  17/03/17 03:35 PM

Fundación Mapfre ħabbret it-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-programm edukattiv tagħha bit-titolu "Ċaqlaq". Din is-sena, l-enfasi se tkun fuq l-għarfien u t-tgawdija ta' eżerċizzju fiżiku u attivitajiet relatati minn tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji lokali.

Waqt it-tnedija, li saret fil-preżenza tal-President Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz San Anton, Oscar Picazo ta’ Fundación Mapfre, iddikjara li għal din l-edizzjoni ta’ ''Ċaqlaq", Fundación Mapfre se tingħaqad mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volibol, l-MVA.

Picazo qal li kemm Fundación Mapfre u l-MVA huma mħassbin dwar il-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku, b'mod partikolari fost it-tfal li ħafna drabi huwa dovut għan-nuqqas ta’ għarfien dwar drawwiet tajbin għas-saħħa, b'mod partikolari dik ta' eżerċizzju regolari.

Picazo ikkonferma li ż-żewġ partijiet "konvinti li s-sitwazzjoni tista' titjieb billi tinkoraġġixxi lit-tfal biex jipparteċipaw fl-attivitajiet fejn ikunu jistgħu jgawdu l-eżerċizzju fiżiku, inklużi attivitajiet fi ħdan ambjent ta’ team sport, fi spirtu ta' gost u ħidma f'tim."

Bħala parti mill-programm "Ċaqlaq", l-MVA se tkun qed tagħmel sensiela ta’ żjarat fi skejjel primarji u sekondarji flimkien mal-organizzazzjoni ta’ diversi avvenimenti għall-iskola. L-enfasi ta' dawn l-attivitajiet se tkun li t-tfal ikunu esposti għall-attività fiżika f’ambjent sabiħ, filwaqt li jippermettilhom li jesperjenzaw aspetti ta' attività fiżika, bħal motor skills, aġilità, koordinazzjoni ta’ moviment u ħidma f'tim.

Jesmond Saliba, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volibol  qal li "l-għan hu li jiġi żviluppat l-interess tat-tfal fl-attività fiżika regolari permezz tal-parteċipazzjoni fi sport, għall-inqas fil-livell bażiku.  Dan huwa wkoll mezz għall-inklużjoni soċjali permezz tal-isport, li hija tema tal-Presidenza Maltija tal-UE u xi ħaġa li aħna, bħala assoċjazzjoni, konvinti minnha”.

Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil Fundacion Mapfre għall-ħiliet tagħhom biex jgħinu lill-komunità u lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volibol għall-impenn fil-qasam tal-isport.