Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Tgħid x’tgħid il-liġi, iż-żwieġ jibqa’ bejn raġel u mara” – L-Arċisqof   |  Żewġ persuni jispiċċaw mal-art wara inċident   |  "L-akbar gidba hi li mhux ħa tispiċċa ħażin bid-droga" - żagħżugħ li rebaħ l-isfida tad-droga   |  14-il mara tqila salvati mill-baħar

Simon Busuttil itenni li ma jemminx li t-tielet kumpanija hi ta’ Brian Tonna

Charlene Valentina  Giordimaina  -  19/03/17 11:11 AM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil reġa’ tenna li ma jemminx li t-tielet kumpanija li nfetħet fil-Panama hi tal-konsulent ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, Brian Tonna. Sostna li dwar din il-kwistjoni fadal ħafna iktar x’nisimgħu u li l-verità se titla’ f’wiċċ l-ilma.

Waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil sostna li din hi “ħrafa” wara li dawk involuti kienu “ilhom sena jkaxkru saqajhom”. Għamel referenza għal artiklu li deher fuq gazzetta lokali, fejn allegatament 150 persuna mir-raba distrett, jiġifieri d-distrett tal-Ministru Konrad Mizzi u li taħtu taqa’ l-WSC, intagħżlu biex jibdew jaħdmu mal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Il-Kap tal-PN qal li jrid jgħix f’pajjiż fejn hemm “level playing field” u mhux f’pajjiż fejn biex timxi ‘l quddiem, trid tmur tħabbat bieb ta’ ministru. Saħaq li l-PN dejjem kien marbut mal-idea li jiftaħ il-bieb għal dawk li huma kapaċi. Qal li bħalissa l-biebien jinfetħu biss għal min jaqbillu l-ministru. Semma’ kif, fost oħrajn, persuni li jaħdmu fin-negozju jgħidu li ma japplikawx għat-tenders tal-Gvern għax il-persuna li tkun se tintagħżel tkun diġà ntagħżlet qabel jiftaħ it-tender.

Simon Busuttil tkellem dwar il-korruzzjoni u semma’ kif survey li ġiet ippubblikata f’gazzetta lokali turi li għal 30% tal-Maltin, l-inkwiet tagħhom hu l-korruzzjoni. Sostna li hu jrid jaqbad il-korruzzjoni mill-qiegħ u jneħħiha. Saħaq li fil-kwistjoni tal-ITS, hu wera biċ-ċar li hu mhu fil-but ta’ ħadd u li ma jinxtarax.

Simon Busuttil qal li l-poplu Malti ma jridx ħames snin oħra ta’ korruzzjoni u li ma jridx li kuljum iqum għal skandlu ġdid.

“Simon Busuttil lanqas żamm il-Partit tiegħu magħqud” – PL

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil lanqas żamm il-Partit tiegħu magħqud, aħseb u ara kemm jista’ jżomm il-pajjiż magħqud.

Kompla li l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas jemmen f’opportunitajiet għal kulħadd fil-Partit tiegħu stess, aħseb u ara kemm jista’ jipprietka fuq opportunijiet għal kulħadd fil-pajjiż kollu.