Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Investigati żewġ messaġġiera tal-Qorti   |  

Awdjo: “Bħalissa mhux possibbli li ssir koalizzjoni mal-PN” – Arnold Cassola

Alvin  Vassallo  -  20/03/17 06:16 PM

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika (AD) Arnold Cassola qal li bħalissa mhux possibbli li ssir koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista.

Ma’ Newsbook.com.mt Arnold Cassola qal li huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista ma jridx koalizzjoni imma jrid assimilazzjoni, li wieħed joħroġ taħt l-isem u l-arma tal-PN.

Fl-isfond tal-kummenti li ta l-Eks Chairperson tal-AD Michael Briguglio mal-ġurnal illum, Profs Cassola wera l-preokupazzjoni tiegħu li b’dak li qed jipproponi l-PN, l-AD jinbela minn partit kbir.

Profs. Cassola saħaq li l-proposta tal-PN, li kull min hu kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jingħaqad mal-PN mhux aċċettabbli.

Spjega li koalizzjoni bejn żewġ partiti sseħħ meta ż-żewġ naħat jaqblu fuq programm imma fl-istess ħin jinżammu ż-żewġ identitatjiet differenti.

Mistoqsi f’każ ta’ koalizzjoni liema huma l-punti li mhumiex lesti li jċedu, iċ-Chairperson tal-AD qal li m’hemmx bżonn wieħed jiddiskutihom la darba għad m’hemmx proposta ta’ koalizzjoni.

Żied jgħid li minkejja l-għajta ta’ Simon Busuttil, biex kull min hu kontra l-Prim Ministru jingħaqad magħhom, ma saru ebda laqgħat bejn il-PN u l-AD. Filwaqt li mal-Partit Demokratiku saru xi laqgħat qabel ma ġie mwaqqaf il-PD.

Fl-isfond tad-diskussjoni li reġgħet qamet dwar jekk il-Membri Parlamentari għandhomx ikun full jew part time, Prof. Cassola qal li ilhom 30 sena jisħqu li l-Membri Parlamentari għandhom ikunu fuq bażi ta’ full time.

Saħaq li meta għandek Membri Parlamentari qed jibqgħu jaħdmu sakemm huma fil-Parlament awtomatikament se jinħolqu l-kunflitti ta’ interess.