Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

​Il-PM favur Ewropa b’veloċitajiet differenti

Mill-Parlament    -  20/03/17 07:44 PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li personalment huwa favur Ewropa b’veloċitajiet differenti.

Huwa kien qed jitkellem waqt dibattitu li segwa stqarrija Ministerjali dwar il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Brussell il-ġimgħa li għaddiet u li fost l-oħrajn ra l-approvazzjoni ta’ Donald Tusk bħala President tal-Kunsill Ewropew.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru x’kienet il-pożizzjoni tiegħu dwar numru ta’ kwistjonijiet li ddominaw id-diskussjoni waqt il-Kunsill Ewropew u l-aġenda tal-UE matul il-Ġimgħa  li għaddiet. Fost l-oħrajn staqsieh x’kienet il-pożizzjoni dwar l-elezzjoni ta’ Tusk fid-dawl ta’ kummenti  tal-istess Prim Ministru, li l-maġġoranza tal-karigi għolja tal-UE huma mimlija minn membri tal-Partit Popolari Ewropew. Staqsieh ukoll dwar l-opinjoni tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa u dwar in-negozjati fuq Brexit.

Dr Muscat spjega li minn fost il-ħames mudelli ta' Unjoni futura, proposti mill-Kummissjoni huwa jippreferi dik ta’ Ewropa b’diversi veloċitajiet. Qal li dan hu tkomplija ta’ dak li jeżisti diġà hekk kif mhux il-membri kollha huma msieħba fiż-żona ewro jew fiż-żona Schengen. Fl-istess ħin irrikonoxxa li pajjiżi tal-Lvant jopponu dan hekk kif jibżgħu li jkunu esklużi minn iktar integrazzjoni tal-UE.

Dwar Brexit tenna l-appoġġ personali tiegħu għal proċess li jara l-ewwel id-diskussjoni dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u sussegwentement diskussjonijiet dwar ir-relazzjoni futura bejn it-tnejn. Fl-istess ħin qal li lest jaċċetta diskussjonijiet fuq kollox b’mod paralell u dan minkejja r-riskju li ma jkun hemm qbil fuq xejn.

Il-Prim Ministru spjega l-kummenti tiegħu dwar l-elezzjoni ta’ Tusk bħala l-pożizzjoni tal-Partit Soċjalista Ewropew u qal li din ma kinitx immirata biex timmina l-elezzjoni tal-Pollakk, iżda biex ikun hemm iżjed bilanċ fil-futur bejn ir-rappreżentanza tal-partiti fil-karigi tal-UE. Sostna li din il-pożizzjoni ġiet rikonoxxuta fil-konklużjonijiet finali tas-Summit.