Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Il-PL bi proposti għan-negozji   |  Il-PN jippreżenta l-proposti dwar is-saħħa

Jinstabu 133 mansab illegali f'ġurnata waħda

Lara Michelle Camilleri  -  20/03/17 03:13 PM

Il-voluntiera tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qalu li, mill-ġimgħa l-oħra ‘l hawn, ġew irrappurtati lill-pulizija disa’ nassaba hekk kif inġibed filmat tagħhom waqt li kienu qegħdin jonsbu b’mod illegali.

Fi stqarrija, CABS qal li f’ġurnata waħda biss, instabu 133 mansab illegali li kienu qegħdin jintużaw għall-isponsuni u l-għasafar tal-għana.

Kompla jgħid li l-ftuħ tal-istaġun tal-insib għall-isponsuni fil-ħarifa, spiċċa biex żied l-ammont ta’ nsib illegali fir-rebbiegħa hekk kif in-numru ta’ mnasab illegali rdoppja mis-sena l-oħra ‘l hawn.

CABS żied jgħid li xi nassaba jinqdew bil-kpiepel, nuċċalijiet tax-xemx u l-balaklavi biex jgħattu l-identità tagħhom filwaqt li l-maġġoranza tan-nassaba jkollhom persuni kompliċi biex jgħassu z-zona u jinfurmawhom bil-wasla tal-pulizija.

Temm jgħid li l-Gvern mhu qed jieħu l-ebda azzjoni attiva biex jippreveni l-insib illegali ta’ dawn l-għasafar, b’mod speċjali matul il-qofol tal-passa tal-isponsuni, filwaqt li qed jillimita r-riżorsi tal-pulizija biex jgħinu fil-prevenzjoni ta' dan l-insib.