Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Awdjo: “Waqajt mal-art kollni demm, kważi għasra”

Charmaine  Attard   -  17/04/17 09:30 PM

Ix-xufier tal-linja li lbieraħ filgħaxija ġie ferut fil-venda tal-linja fil-Belt Valletta rrakkonta kif xħin waqa’ mal-art kien kollu demm, “kważi għasra”.

Ma’ Newsbook.com.mt,  ix-xufier spjega kif il-każ beda l-Ġimgħa waranofsinhar fil-Marsa, meta fuq tal-linja tela’ passiġġier b’biljett skadut. Żied jgħid li meta ġibidlu l-attenzjoni, reġa’ wrieh biljett ieħor skadut.

Stqarr li sa fl-aħħar tah biljett tajjeb u li qallu biex ma jerġax jagħmilha għax kien qed jaħlilu ħafna ħin kull darba.  Meta l-passiġġier wieġbu li m’għandux provi, ix-xufier semmielu l-kameras tas-sigurtà. 

"Għajjarni mejjet bil-ġuħ"

“Beda jgħidli li hu għandu ħafna flus u għajjarni mejjet bil-ġuħ,” żied jgħid.

Semma wkoll li kif beda jgħolli leħnu, ikun aggressiv u anke jheddu, qam mis-seat u qallu li se jċempel lill-pulizija.  Ix-xufier qal li sakemm waslu l-pulizija, ir-raġel  laħaq telaq u rikeb ma’ karozza tal-linja oħra.

Aktar tard reġa’ lemħu l-Belt, u malli rah għalaq il-bieba u ċempel mill-ġdid lill-Pulizija, iżda meta waslu kien laħaq ħarab.

Ix-xufier, li għandu 40 sena, irrakkonta mbagħad dak li ġara lbieraħ filgħaxija, waqt il-break tiegħu.

“Inżilt nieħu kafe, rajtu u bqajt miexi. Waddabli karta u dort insaqsih lil min waddabha u offendieni bil-mejtin,” kompla jgħid.

Ix-xufier stqarr kif dak il-ħin mar javviċinah u f’leħħa ta’ berqa laqqat daqqa ta’ xi oġġett f’rasu u waqa’ mal-art kollu demm.

B’determinazzjoni, ix-xufier spjega kif dak il-ħin qam xorta u pprova jiġri warajh u ma laħqux.

Semma li meta mar l-għassa, irriżulta li l-passiġġier li aggredieh hu magħruf mal-pulizija.