Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

Filmat: Il-Palazz tal-Arċisqof se jinfetaħ għall-pubbliku

Ian Noel  Pace  -  17/04/17 06:37 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna huwa determinat li jirrestawra u jiftaħ il-Palazz tal-Arċisqof għall-pubbliku. Dan il-palazz għandu storja ta’ 400 sena u minbarra li għandu importanza storika, artistika u arkitettonika, serva bħala residenza tal-Isqof għal kważi erba’ sekli.

Ir-restawr tħabbar mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta, Michael Pace Ross, ma Newsbook.com.mt fejn spjega li se jkun imqassam fuq medda ta’ snin. L-ewwel fażi ser tinkludi l-ġnien, il-parti sotterranja u l-funtana tas-seklu 17. Dawn il-partijiet tal-palazz se jkunu wkoll miftuħa għall-pubbliku waqt il-Valletta Green Festival minħabba li huma parti mill-istorja soċjali u kulturali tal-Belt.

Bħala bini skedat f’belt li hija kklassifikata wirt dinji mill-UNESCO, l-Arċidjoċesi qed tesplora kif tirrestawra u żżomm il-post b’mod sostenibbli, b’mod professjonali u b’konformità mal-missjoni tal-Knisja illum.

Il-palazz joffri ġnien pittoresk b'siġar tal-larinġ, l-uniku wieħed residenzjali tad-daqs tiegħu fil-qalba tal-Belt. Mal-ħajt tal-ġenb tal-ġnien jidhru wkoll traċċi ta' barriera.

Il-blat li nsibu fil-vaults taħt l-art jixhed l-istorja tal-ilma f’dil-parti tal-Belt.

Għadu mhux magħruf kemm ser jiġi jiswa r-restawr hekk kif għadhom qed isiru l-istudji ta’ x’hemm bżonn isir. Eventwalment ser jinfetħu anke l-piano nobile u l-appartament privat fejn kien jghix l-Arċisqof Mikiel Gonzi, iżda għad fadal aktar xogħol xi jsir biex ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Arċisqof, iċ-Ċermen tal-Valletta 18, Jason Micallef, ħabbar li l-edizzjoni tal-Valletta Green Festival din is-sena se ssir fl-aħħar ġimgħa ta' April. Huwa qal li din l-edizzjoni ser tkun l-akbar waħda li qatt rat il-Belt Valletta. Micallef ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi u jżur il-Palazz tal-Arċisqof waqt il-festival li ġie ppjanat li jsir waqt tliet laqgħat importanti tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, fosthom dik dwar l-ambjent.

Filmat u Ritratti: Ian Noel Pace