Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Filmat: “Il-Prim Ministru tilef l-awtorità morali” - Simon Busuttil

Charmaine  Attard   -  20/04/17 10:52 PM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru llum tilef l-awtorità morali u li Malta ma jixirqilhiex Prim Ministru bi sħaba sewda ta’ korruzzjoni mdendla fuq rasu.

Dr Busuttil kien qed jirreaġixxi għad-dikjarazzjoni li għamel illejla l-Prim Ministru Joseph Muscat, dwar l-allegazzjonijiet li martu Michelle għandha ishma fil-kumpanija Egrant fil-Panama.

Fl-indirizz tiegħu li xxandar fuq NET TV, Dr Busuttil sostna li l-inqas ħaġa li kien jistenna mill-Prim Ministru, kienet li jaħtar inkjesta indipendenti biex issir investigazzjoni serja fuq l-allegazzjonijiet li ħarġu.

Saħaq li r-responsabbiltà hi tal-Prim Ministru u mhux tiegħu. Żied jgħid li kien Joseph Muscat li ġab lilu nnifsu f’din is-sitwazzjoni, meta sena ilu minflok keċċa lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, żammhom miegħu f’Kastilja.

Simon Busuttil insista li hu għalhekk li llum ħadd ma jista’ jemmen lill-Prim Ministru.

“Il-Kummissarju tal-Pulizija kellu jibda jinvestiga”

Simon Busuttil qal li kien jistenna wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija jibda jinvestiga u fost l-oħrajn jissiġilla l-Bank Pilatus fil-preżenza ta’ maġistrat filwaqt li jiżgura li jiġu elevati l-provi, “li qed naraw jitħallew jintilfu.”

Filwaqt li saħaq li se jżomm lill-Kummissarju responsabbli, insista mal-awtoritajiet l-oħra, biex jagħmlu dak li għandhom jagħmlu fl-interess nazzjonali.

“Kont nistenna li l-istituzzjonijiet jieħdu l-passi biex jiżguraw li ssaltan il-ġustizzja,” żied jgħid Dr Busuttil.

“In-nies iħossuhom irrabjati u ttraduti”

Il-Kap Nazzjonalista stqarr li n-nies qed iħossuhom irrabjati u ttraduti, għax qatt ma stennew li Malta se tispiċċa f’sitwazzjonijiet ta’ reati kriminali f’Kastilja.

Saħaq li l-poplu Malti u Malta jixirqilhom aħjar.  Appella għal forza nazzjonali biex jitneħħa dak li sejjaħ l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta, u biex il-pajjiż jingħata Gvern li jixraqlu.