Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Iċ-Ċina se tiftaħ il-bibien għall-Amerikani

Alvin  Vassallo  -  20/04/17 10:47 AM

Iċ-Ċina mistennija toffri lill-Gvern Amerikan aċċess aqwa għas-suq tal-investimenti fis-settur finanzjarju. Fil-preżent, investituri barranin, ma jistgħux ikollhom l-maġġoranza tal-ishma f’kumpaniji tal-assigurazzjoni u tas-servizzi finanzjarji fiċ-Ċina.

F’dan l-istadju, din m’għandhiex tkun deċiżjoni daqstant iebsa għaċ-Ċiniżi, għaliex issa l-akbar kumpaniji f’dawn is-settur, fosthom Citic Securities u China Life Insurance, tant kibru fl-aħħar 15-il sena, li jifilħu jilqgħu għal kull kompetizzjoni minn kumpaniji ġodda li jidħlu fis-suq.

Waqt il-kampanja elettorali, il-President Donald Trump kien hedded li jimponi tariffi għoljin fuq il-prodotti Ċiniżi. Dan kien wassal għal biża’ fost l-investituri ta’ “gwerra kummerċjali” bejn l-akbar żewġ ekonomiji. Iżda wara r-rebħa tiegħu, Trump immodera l-lingwaġġ fil-konfront taċ-Ċina. Din l-attitudni ntlaqgħat tajjeb minn Beijing li issa tidher aktar disposta li tiddiskuti u tiftiehem.

Filwaqt li fuq dawn iż-żewġ oqsma hu mistenni li jintlaħaq qbil finali fit-tliet xhur li ġejjin, għad hemm temi oħra li fuqhom iż-żewġ pajjiżi għadhom ’il bogħod: Uffiċjali Amerikani jixtiequ li ċ-Ċina tbaxxi t-tariffa ta’ 25% fuq importazzjoni ta’ karozzi, filwaqt li Beijing trid ħarsien akbar għal investiment Ċiniż fl-Istati Uniti, li s-sena l-oħra trippla għal aktar minn $45biljun.

Potenzjal qawwi għal investiment fl-Afrika

F’termini ta’ potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku, il-kontinent Afrikan qed jitqies minn bosta esperti tal-investiment bħala l-aktar importanti għat-30 sena li jmiss.

L-Afrika tilqa’ fiha l-aktar bliet li qed jikbru malajr, u hu previst li aktar minn nofs iż-żieda fil-popolazzjoni dinjija fl-20 sena li jmiss issir hemmhekk. Sal-2050, bliet bħal Lagos u Kinshasa se jespandu b’mod sostanzjali, u jilħqu t-30 miljun abitant. Fl-istess waqt, l-Afrika għaddejja minn rivoluzzjoni teknoloġika: jekk wieħed iqis l-aktar 10 postijiet madwar id-dinja fejn qed jikbru l-abbonamenti mal-Internet, seba’ minnhom jinstabu fl-Afrika. Dan f’kuntest fejn llum, inqas minn terz tal-popolazzjoni Afrikana għandha aċċess għall-Internet.

Dan qed iwassal għal investiment u interess qawwi minn kumpaniji fil-qasam teknoloġiku, innovattiv u infrastrutturali. L-akbar settur li attira dan l-investiment kien dak tat-teknoloġiji finanzjarji (fintech) filwaqt li l-akbar żieda saret fil-qasam tat-teknoloġija agrikola (agritech). Fost l-ogħla pożizzjonijiet kien hemm is-setturi tal-enerġija li tiġġedded, is-saħħa, il-kummerċ elettroniku u t-tagħlim diġitali.

Iżda l-akbar sfida għall-gvernijiet nazzjonali tibqa’ dik tal-ekonomija s-sewda: hu maħsub, skont studju tal-Bank għall-Iżvilupp Afrikan, li madwar 55% tal-attività ekonomika fl-Afrika Sub-Saħarjana hija kollha informali. Dan kollu juri l-potenzjal enormi għal tkabbir li qed iżomm għajnejn investituri minn madwar id-dinja attenti għall-opportunitajiet kbar li jistgħu jinqalgħu fis-snin li ġejjin.

L-ispazju: il-fruntiera l-ġdida tal-investiment

Fl-aħħar ta’ Marzu l-Gvern Amerikana uffiċjalment approva l-baġit għan-NASA għal din is-sena: kważi $20 biljun. Iżda f’bidla radikali fl-istrateġija, il-Gvern Ameirkan qed jimbotta lin-NASA biex tiffoka primarjament fuq l-esplorazzjoni tal-“ispazju profond”, jiġifieri r-reġjun ferm ’il bogħod mill-orbita tad-dinja.

Ir-raġunament wara dan il-ħsieb huwa n-NASA m’għadx fadalla għalfejn tiffoka fuq ir-reġjun bejn id-dinja u l-qamar għaliex din tista’ tiġi żviluppata mis-settur privat. Diġà jeżistu kumpaniji privati bħal SpaceX u Orbital ATK li wrew il-ħila li jipprovdu l-ikel meħtieġ lill-International Space Station, filwaqt li start-ups bħal Axiom Space u Bigelow Aerospace qed jaħdmu fuq space stations ġodda kompletament mibnija u mantnuti mill-rpviat.

Is-settur privat qed jidħol ukoll fuq it-twassil ta’ satelliti fl-ispazju, b’Boeing, Lockheed Martin u Airbus jiżviluppaw rivalità anke f’dan is-settur. Skont analisti tas-settur, l-akbar xogħol innovattiv fil-qasam spazjali qed issir barra min-NASA. Tant hu hekk, li Elon Musk, il-biljunarju magħruf għall-innovazzjoni, qed jippjana li sal-2018 jibgħat vettura spazjali fuq Mars, b’inżul mill-bniedem sa tmien snin wara. Skont NASA, l-aktar realisitku li l-bniedem jasal fuq il-pjaneta l-ħamra huwa l-2034.

Li hu ċert hu li l-10 snin li ġejjin mistennija jkunu ferm eċitanti kemm għal investituri b’xewqa ta’ swieq ġodda, kif ukoll għal kull min hu affaxinat bil-ħila tal-bniedem li jiskropri aktar fuq dak li hemm barra mid-dinja tagħna.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.