Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Attakki Pariġi: Francois Fillon jsejjaħ għas-sospensjoni tal-kampanja elettorali

Yendrick  Cioffi  -  21/04/17 07:52 AM

Il-kandidat għall-Presidenza Franċiża Francois Fillon saħaq li l-kampanja Presidenzjali għandha tkun sospiża wara l-attakk terroristiku fi Franza li fih inqatel Pulizija u ndarbu tnejn oħra.

Fillon sejjaħ għas-sospensjoni tal-kampanja jumejn biss qabel il-primarji ta’ nhar il-Ħadd li ġej.

Waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon France 2, Francois Fillon qal li ħassar l-attivitajiet li kellu ppjanati għal-lum.

Intant ir-rivali tiegħu tal-lemin estrem, Marine Le Pen, li qed tibbaża l-kampanja tagħha kontra l-immigrazzjoni u l-fundamentaliżmu Iżlamiku, esprimiet is-sogħba tagħha permezz ta’ Twitter.

F’kummenti lill-ġurnalisti ftit tal-ħin wara li kienet fuq programm televiżiv, Le Pen qalet li tinsab “irrabjata u qalba sewda” għax fi kliemha “mhux qed isir biżżejjed biex uffiċjali tas-sigurtà jkunu protetti.”

Minkejja dan Le Pen mistennija tkompli normali bil-kampanja tagħha. Minkejja li ħassret impenn żgħir li kellha, immedjatament ippjanat ieħor.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat Emmanuel Macron, li skont is-sondaġġi huwa l-favorit li jirbaħ il-primarji u anke l-Presidenza, qal li jinsab viċin il-familja tal-uffiċjal li miet iżda mistenni jkompli normali bil-kampanja tiegħu.

L-attakk seħħ ilbieraħ filgħaxija f’Pariġi f’Champs-Elysèes. Ir-raġel li wettaq l-attakk u li x’aktarx hu Franċiż, inqatel mill-Pulizija fuq il-post.