Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Filmat: Ġurnalist attakkat; Il-Ministru Konrad Mizzi jieħu passi

Charmaine  Attard   -  21/04/17 05:37 PM

Diversi persuni li kienu qed jakkumpanjaw lill-Ministru Konrad Mizzi waqt sejħa għall-ġurnalisti fl-Imtarfa, bdew jimbuttaw lill-ġurnalist tat-Times of Malta, li baqa’ jippersisti bil-mistoqsijiet tiegħu dwar il-kumpanija tal-Ministru fil-Panama u dwar l-attentati minn Nexia BT biex jiftħulu kont f’Dubaj.

Kien raġel ieħor li kien mal-Ministru Mizzi li pprova jofroqhom u jikkalma s-sitwazzjoni.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Bla Portafoll stqarr li m’hemm l-ebda relazzjoni bejnu u l-Bank Pilatus. Saħaq li la hu, la martu u lanqas Hearnville m’għandhom kont f’dan il-Bank.

Meta mistoqsi li kien intlemaħ ħiereġ mill-Whitehall Mansions f’Ta’ Xbiex, fejn hemm il-kwartieri tal-Bank, Konrad Mizzi insista li dakinhar kien f’laqgħa ma’ Shangai Electric Power, li għandhom l-uffiċini tagħhom hemmhekk.

Saħaq li qatt ma kellu laqgħa mal-Bank Pilatus u li qatt ma rifes l-għatba tiegħu.

Dwar l-allegazzjonijiet li Hearnville daħħlet il-flus mingħand it-tifla tal-President tal-Ażerbajġan, il-Ministru wieġeb li ma kien hemm l-ebda depożitu ta’ €1 miljun u li minn Hearnville Inc m’għaddha l-ebda ċenteżmu.

Saħaq li dak li qed jingħad huma kollha qlajjiet u li jekk jirrappurtaw b’dak il-mod, kien se jiftħilhom libell.

"Il-Ministru Konrad Mizzi ta struzzjonijiet biex jittieħdu passi dixxiplinarji" - Il-Gvern

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Ministru Konrad Mizzi ta struzzjonijiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, biex jieħdu passi dixxiplinarji, dwar persuna li kienet involuta f'inċident mal-ġurnalist Jacob Borg.

L-istqarrija tgħid li l-persuna msemmija taħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Filwaqt li kkundanna l-aġir, il-Ministru nnota li membru fis-Segretarjat Privat tiegħu għamel mill-aħjar biex iferraq l-inċident.

Il-Ministru Mizzi qal li għalkemm ma jaqbilx mal-argumenti tal-ġurnalist, jemmen li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom.

"Solidarjetà ma' Jacob Borg" - PN

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà ma' Jacob Borg, filwaqt li qal li l-pajjiż jinsab fi kriżi politika u kostituzzjonali bil-Prim Ministru li jinsab taħt inkjesta Maġisterjali.

L-IĠM jikkudanna l-attakk fuq il-ġurnalist

Fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna l-aġir ta’ persuna tal-Ministru Konrad Mizzi li aggredixxa ġurnalist.

Qal li l-ġurnalist għandu dritt li jagħmel xogħlu u li d-drittijiet tiegħu qatt m’għandhom ikunu mittiefsa u mhedda.

Filmat: Ian Noel Pace