Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Jien irrabjata għall-Knisja – Marine Le Pen

.     -  21/04/17 05:00 PM

Marine Le Pen, kandidata għall-elezzjoni Presidenzjali Franċiża stqarret ma gazzetta lokali li “jien irrabjata għall-Knisja għax inħoss li qed tindaħal f’kollox ħlief f’dak li messa tindaħal fih”.

Hi qalet li għandha fidi soda u qatt ma ddubitat minnha, madankollu kkritikat b’mod aħrax lill-Papa Franġisku, partikolarment fuq il-kwestjoni tal-imigranti.  Tinsisti li l-attivitajiet karitatevoli huma responsabbilta’ tal-individwi filwaqt li l-Istat għandu jfittex l-interessi nazzjonali.

“Meta l-Papa iħeġġeġ lill-pajjiżi biex jilqgħu l-emigranti bla restrizzjonijiet, ikun qed jindaħal fil-politika”, sostniet il-kandidata tal-lemin estrem.

Hi qalet li jekk tkun eletta President ta’ Franza, bi pjaċir kbir tistieden lill-Papa iżur il-pajjiż u tgħidlu dak li qalet lill-ġurnalista li kienet qed tkellem.

Osservaturi politiċi fi Franza jpoġġu lil Marine Le Pen bħala waħda mill-kontendenti ewlenin għall-presidenza.  L-ewwel parti tal-votazzjoni presidenzajli se ssir il-ġimgħa d-dieħla u jekk ebda kandidat ma jikseb il-maġġoranza – ħaġa li m’hix mistennija – l-aktar żewġ kandidati li jiksbu voti jikkonfrontaw lil xulxin f’votazzjoni li ssir fis-7 ta’ Mejju.

Fl-intervista, Le Pen uriet pożizzjoni qawwija favur it-tradizzjoni Franċiża ta’ Gvern sekulari u argumentat li s-simboli reliġjużi bħalma hu l-velu islamiku ma għandhomx ikunu aċċettati fil-pubbliku għax temmen li “sekulariżmu jfisser li wieħed jista’ jaħbat ma’ ieħor fit-triq bla ma jkunx jaf ta’ liema reliġjon hu”.

Mistoqsija jekk mexxejja reliġjużi għandhomx jidħlu f’dibattiti politiċi, Le Pen wieġbet “Jien ma nindaħalx il-Papa x’jgħid lis-segwaċi tiegħu.  Ma naħsibx li r-reliġjużi għandhom jgħidu lill-poplu Franċiż kif għandu jivvota. Ilmentat li l-Konferenza Episkopali Franċiża qabżet il-limiti meta uriet stmerrija għall-Front Nazzjonali li hu l-partit li tmexxi hi.