Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Aġġornata (9): KAŻ EGRANT: Il-Prim Ministru u DCG imeru lil xulxin

21/04/17 09:17 AM

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia llejla ppubblikat dak li hemm fiż-żewġ declarations of trust li allegatament kien hemm fis-safe tal-kċina fil-Bank Pilatus f'Ta' Xbiex, u li qed jiġi allegat li hemm imniżżel fihom isem Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. L-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia ġew miċħuda kemm mill-Prim Ministru kif ukoll minn martu.

"Id-dokumenti ppubblikati DCG huma ffalsifikati" - Joseph Muscat

Il-Prim Ministru rreaġixxa dwar dan waqt id-dibattitu f'Xarabank mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Stqarr li d-dokumenti ppubblikati minn Caruana Galizia huma ffalsifikati. Qal li l-ewwel prova ta' falsifikazzjoni hija li l-kumpanija Egrant qed iġġib indirizz ta' post f'San Ġwann, u li l-ebda kumpanija fil-Panama ma jista' jkollha indirizz f'San Ġwann. Żied jgħid li t-tieni prova hi ċ-ċertifikat li juri li din il-kumpanija ngħatat lil Brian Tonna fl-2013.

DCG tirribatti b'artiklu ieħor

F'artiklu ieħor fuq is-sit tagħha, Caruana Galizia qalet li l-Prim Ministru jaf li l-indirizz f'San Ġwann hu tal-uffiċċju ta' Brian Tonna ta' Nexia BT u dak iż-żmien anke ta' Mossack Fonseca Malta. 

Appell lit-3,000 accountant biex joqogħdu attenti minn klijenti dubjużi

Aktar kmieni llum, il-President tal-Istitut tal-Accountants Maltin Franco Azzopardi appella lit-3,000 accountant sabiex joqogħdu attenti minn klijenti dubjużi.

Waqt li kien qed jindirizza l-SMP Forum, Franco Azzopardi appella lill-membri biex jaħdmu b’mod professjonali u jkunu indipendenti.

In-network Soċjetà Ċivili b'appell għal koalizzjoni kontra l-korruzzjoni 

In-Network Soċjetà Ċivili qed jappella għal koalizzjoni nazzjonali għal governanza tajba u kontra l-korruzzjoni f’Malta.

Fi stqarrija, in-Network qal li l-koalizzjoni tilqa’ fiha l-forzi politiċi u l-persuni li jixtiequ jnaddfu l-korruzzjoni.

Qalet li istituzzjonijiet u Gvern dgħajjef quddiem il-korruzzjoni għandhom implikazzjonijiet negattivi fuq id-demokrazija u l-ekonomija.

Jitlaq business jet minn Malta għal Ażerbajġan u minn hemm għal Dubaj

Aktar kmieni l-business jet privat tal-VistaJet Malta, li ħalla Malta għall-Ażerbajġan ftit qabel l-4 ta' dalgħodu, u li qed ikun allegat li jista' jkun li qed iġorr il-bagalji li jinkludu d-dokumenti dwar il-kumpanija Egrant, niżel f'Dubaj ftit wara 12pm, wara li reġa' ħalla l-ajruport ta' Baku fl-Ażerbajġan.

Dubaj huwa l-post fejn skont il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Leyla Aliyeva, bint id-dittatur tal-Ażerbajġan, għandha l-kumpanija Al Sahra FZCO.

Dettalji dwar it-titjira

Sorsi fl-avjazzjoni qalu ma' Newsbook.com.mt, li dan huwa l-istess ajruplan li ġieli jinkera mill-Gvern meta jsiefer il-Prim Ministru.

Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta qalet ma' Newsbook.com.mt, li l-Ajruport ma jippubblikax informazzjoni dwar titjiriet relatati ma' movimenti ġenerali tal-avjazzjoni.  Għaldaqstant ma pprovdietx informazzjoni dwar xħin daħlu fis-sistema d-dettalji tat-titjira u jekk kienx hemm xi ħadd fuqha.

Is-sit tal-Malta Today tkellem mal-kelliem tal-VistaJet li kkonferma t-titjira lejn Baku, imma qal li ma kien hemm ħadd abbord. Titjira bejn Malta u Baku ddum tmien sigħat, b'possibiltà ta' waqfa għall-fuel fil-Greċja jew fit-Turkija.

Ftit qabel nofsillejl il-PM jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga

Kien ftit qabel nofsillejl tal-bieraħ li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li talab lill-Kummissarju tal-Pulizija, biex jinforma lill-Maġistrat tal-Għassa biex jinvestiga l-allegazzjonijiet magħmula minn Daphne Caruana Galizia fil-każ Egrant, u sabiex jippreserva l-provi.

Skont Independent.com.mt, il-Maġistrat Aaron Bugeja dalgħodu deher dieħel fil-Bank Pilatus, biex jibda l-inkjesta.

Sid il-Bank Pilatus joħroġ b'żewġ bagalji lbieraħ filgħaxija

Xi sagħtejn qabel ħarġet it-talba tal-Prim Ministru lill-Kummissarju tal-Pulizija, Net TV kien diġà beda jxandar filmat li juri lis-sid tal-Bank Pilatus Seyed Ali Sadr Hasheminejad akkumpanjat mir-Risk Manager Antoniella Gauci, ħerġin mill-bank f'Ta' Xbiex. kellu żewġ bagalji f'idejh.

Mhux eskluż li dawn kienu dokumenti meħuda mis-safe tal-bank, li jistgħu jagħmlu differenza għar-riżultat ta' kull inkjesta.

Għall-ħabta tat-8 tal-bieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru indirizza konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja fejn ċaħad l-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia, li martu kienet is-sid tal-kumpanija Egrant fil-Panama.  

Jordna inkjesta 4 sigħat wara, fil-konferenza ma jgħid xejn

F'din il-konferenza l-Prim Ministru ħabbar li hu u martu se jagħmlu libell, iżda ma semma xejn dwar l-inkjesta li tħabbret xi erba' sigħat wara.

Caruana Galizia qed tallega wkoll li bint id-dittatur tal-Ażerbajġan trasferiet aktar minn $1 miljun f'Egrant. L-allegazzjonijiet jinkludu li provi dokumentati li juru li s-sid ta' Egrant hi Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, kienu qegħdin fis-safe li hemm fil-kċina tal-Bank Pilatus.

Trasferiment ta' $400,000 lis-sieħba fin-negozju ta' mart il-PM

Fuq is-sit tagħha, DCG kitbet ukoll li f'Marzu li għadda, il-Bank Pilatus irċieva struzzjonijiet urġenti biex jinfetaħ kont għal Negarin Sadr, oħt is-sid tal-Bank, li eventwalment għaddiet $400,000 lil Michelle Buttigieg, is-sieħba fin-negozju ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. 

Minbarra l-Prim Ministru, anke Michelle Muscat ċaħdet l-allegazzjonijiet li għamlet Caruana Galizia, u qalet li hi qatt ma kellha jew għandha xi kumpanija mhux dikjarata. 

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-PN Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru tilef l-awtorità morali u li Malta ma jixirqilhiex Prim Ministru bi sħaba sewda ta’ korruzzjoni mdendla fuq rasu.

"Ħadd mill-familja ta' Muscat mhu jew qatt kien klijent tal-Bank" - Pilatus Bank

Il-Bank Pilatus ċaħad li għandu xi forma ta’ rabta mal-kumpanija Egrant, irreġistrata l-Panama, li dwarha l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed tallega li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, għandha xi ishma.

Fi stqarrija, il-Bank Pilatus ċaħad ukoll li saru xi tranżazzjonijiet ma’ banek oħra, minn jew lejn kontijiet irreġistrati fuq il-kumpaniji Hearnville, Tillgate u Egrant.

Il-Bank saħaq ukoll li “l-ebda membru tal-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat mhu klijent tiegħu".

Dwar il-filmati mxandra minn Net TV, l-istqarrija tgħid li ċ-Ċermen kien għadu kemm wasal minn Washington u baqa’ sejjer dritt mill-ajruport lejn il-Bank għal-laqgħa tal-bord tad-diretturi. Iżżid tgħid li ċ-Ċermen wasal fil-bini tal-Bank waranofsinhar u filmati minn kameras tas-sigurtà jixhdu li anke f’dak il-ħin kien qiegħed iġorr il-bagalji personali tiegħu.

“L-allegazzjoni li fil-bagalji kien hemm xi dokumenti li tneħħew mill-bini tal-bank hija kompletament ivvintata u tgħawwiġ tal-fatti.”

Il-Bank qal ukoll li se jkun qed jikkopera biex joħorġu l-fatti kollha u jaqgħu dawk li sejħilhom bħala spekulazzjonijiet.

"Egrant infetħet bħala shelf company u dejjem baqgħet hekk" - Nexia BT

Nexia BT, il-kumpanija li fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama, qalet li qed tilqa’ l-investigazzjoni mitluba mill-Prim Ministru dwar l-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat.

Fi stqarrija, Nexia BT saħqet li l-investigazzjoni se tikkonferma li:

  • Egrant infetħet bħala shelf company u dejjem baqgħet hekk, 
  • Egrant ma għandha l-ebda sid benefiċjarju għajr Brian Tonna,
  • Egrant qatt ma kellha l-ebda kont bankarju, imkien fid-dinja, qatt ma kellha assi u qatt ma għamlet jew irċeviet tranżazzjonijiet.

Fi Frar li għadda Brain Tonna kien ippubblika ittra mill-kumpanija legali Mossack Fonseca, li fetħet it-tliet kumpaniji fil-Panama, biex juri li Egrant hija tiegħu. Iż-żewġ sidien kienu rrifjutaw li jidhru quddiem il-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers.

Ritratt: Net TV - Żewġ uffiċjali tal-Pulizija deħlin fil-bini tal-Bank Pilatus dalgħodu u r-rotta tal-ajruplan - Malta - Ażerbajġan - Dubaj