Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Jinstab raġel mejjet fil-baħar   |  "Diġà hemm ħafna kriminalità: Iżżiduhiex bil-'gentlemen's clubs'"   |  “Il-Knisja Maltija hi importanti għall-Papa” – In-Nunzju Appostoliku   |  Il-Golfo Azzurro ordnat jidħol Tripli b'theddid li jinfetaħ in-nar fuqu

Il-Papa jibgħat jirringrazzja lill-Arċisqof

Alvin  Vassallo  -  05/04/17 10:01 PM

F’isem il-Papa Franġisku, il-Kardinal Lorenzo Baldisseri bagħat ittra lill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u lill-Isqof t'Għawdex Mario Grech biex jirringrazzjahom għal-linji gwida li ħejjew għas-saċerdoti, biex japplikaw Kapitlu Tmienja tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Amoris Lætitia (Il-Ferħ tal-Imħabba).

Waqt il-programm Dissett, Mons. Scicluna fakkar li l-Kardinal Vincent Nichols ukoll kien ħareġ ifaħħar għall-mod kif l-Isqfijiet Maltin interpretaw l-Eżortazzjoni Appostolika.

Ma' America Magazine Nichols kien ikkummenta li l-linji-gwida Maltin “ma jibdewx billi jgħidu: X’ħa ngħidu dwar din jew dik ir-regola? Le, jiftħu billi jgħidu li jekk din hi l-pożizzjoni tiegħek u tħossok skomdu, tixtieq taf fejn int, x’għandek tagħmel, allura ejja u nitkellmu. Imma ejja nkunu onesti, ejja nkunu miftuħa u ejja naraw lejn fejn irridu nimxu”.

Dwar il-kritika tal-Kardinal Gerhard Ludwig Müller, Mons.Scicluna qal li kellu laqgħa kordjali miegħu. Spjega li fil-laqgħa, Mons. Scicluna qallu sabiex jaħdmu aktar flimkien biex l-interpretazzjoni li qiegħed jagħti l-Papa fuq id-Dokument tiegħu tiġi segwita u sabiex isostnu t-tagħlim tal-Papa.

Spjega li l-Amerikani interpretaw ħażin il-linji gwida tal-Isqfijiet Maltin meta qalu li qed jiġbru lin-nies f’kategorija waħda sħiħa.

Saħaq li dan mhux minnu għax wieħed irid jiddistingwi bejn każ u ieħor.

Żied jgħid li Amoris Lætitia titlob li tifforma sew lill-kuxjenza tiegħek u jkollok lil min isegwik qabel tiddeċċiedi tistax titqarben jew le.

Mons. Scicluna spjega wkoll li jista’ jkollok sitwazzjonijiet ta’ nies li minn barra jidhru li huma żbaljati imma minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ħajja dawn in-nies ma jkollhomx ħtija. Żied jgħid li dawn l-esperjenzi tal-ħajja trid tanalizzahom.

Huwa fakkar f’dak li kien qal il-Papa Franġisku lill-Isqifijiet ta’ Buenos Aires fl-Arġentina: li m’hemmx interpretazzjonijiet oħrajn għad-Dokument tiegħu. Saħaq li għalhekk ma għandux għażla oħra ħlief li jsegwi t-tagħlim tal-Papa.

"Iddiżappuntat li l-filmat imxandar fuq TVM ma kienx ibbilanċjat" 

B’referenza għall-filmat imxandar fuq TVM dwar il-linji gwida tal-Isqfijiet Maltin, Mons.Scicluna wera d-diżappunt tiegħu għax ma kienx ibbilanċjat. Dan minħabba li ġabu diversi opinjonijiet kontra l-linji gwida imma naqsu li jġibu l-istampa kollha meta ma ġabux dak li qal il-Kardinal Vincent Nichols.

"L-Eżortazzjoni Appostolika hija rigal"

Mons.Scicluna ddeskriva d-dokument tal-Papa Franġisku bħala rigal li qed jgħin ukoll biex il-korsijiet ta’ Kana jkunu isbaħ u eqreb lejn il-mentalità żagħżugħa.

Spjega li l-koppji mexxejja tal-korsijiet ta’ Kana qed jużaw dan id-dokument fil-formazzjoni tagħhom.

Dwar id-dokument tal-Papa Franġisku, Mons. Scicluna spjega li l-Papa qiegħed ipoġġilna sfida biex it-tħejjija għaż-żwieġ tittieħed aktar bis-serjetà. Dan hekk kif il-Papa jitkellem fuq snin ta’ formazzjoni u mhux fuq formazzjoni ta’ ftit ġimgħat.