Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Il-Gvern għandu jgħinna mhux ifixkilna” - OASI   |   "Se nirriżenja biex nibgħat messaġġ" - Simon Busuttil   |   Student Malti janalizza implants b'inqas riskji għas-saħħa   |  L-Italja twissi li tagħlaq il-portijiet għal bastimenti bl-immigranti

Filmat: "Il-velenu tal-korruzzjoni u tal-gideb iwassal għal kunflitti soċjali"

Alvin  Vassallo  -  15/05/17 05:59 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li meta fis-soċjetà jinbtu l-velenu tal-korruzzjoni, il-velenu tal-gidba, il-bnedmin mhux biss titnaqqsilhom id-dinjità tagħhom u tar-relazzjoni ta’ bejniethom, imma wkoll jidħol velenu li minflok iwassal għall-ġustizzja jwassal għall-kunflitti soċjali.

F’konferenza organizzata mis-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika Maltija, bit-tema Soċjetà ġusta għal żminijietna, Mons. Scicluna saħaq li l-politika taħdem għall-interessi tal-ftit hija kontropolitika u antipolitika.  

Qal li l-politika trid tkun l-arti tal-imħabba li taħseb fil-ġid komuni.

Huwa saħaq li l-ġustizzja tfisser li dak li jkun jieħu dak li hu tiegħu bi dritt, jieħu wkoll li ħaqqu.

Fid-diskors tiegħu, Mons. Scicluna ikkwota mill-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Il-Ferħ tal-Evanġelju u qal li l-politika, meta mħaddma kif imiss minn dak li jkun hija espressjoni tassew għolja tal-karità, tal-imħabba lejn il-proxxmu, għaliex qed taħdem favur il-ġid komuni.

Tenna li l-ġustizzja soċjali titlob li min jiggverna jħares il-prinċipji importanti tal-verità u tal-ġid komuni. Qal li l-ġustizzja soċjali titlob ukoll il-protezzjoni tal-ambjent u biex ikun garantit li l-ambjent jgħin għall-kwalità tal-ħajja tal-bniedem.

Mons. Scicluna qal li sabiex tikkontribwixxi għall-soċjetà ġusta l-Knisja trid tkun xhieda qawwija u awtentika tal-kliem tal-Evanġelju.

Irrefera għall-profeti u qal li  meta kienu jitkellmu fuq is-sawm, kienu jinsistu li s-sawm ma kellux ikun okkażjoni biex il-bniedem ibati b’mod sadiku, imma kien pjuttost stedina biex wieħed jeżerċita u japplika l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali: li lill-ħaddiema tagħtihom ħlashom f’waqtu, li tgħin lil min hu batut u li tagħmel ġustizzja ma’ kulħadd mingħajr ma tħares lejn l-uċuħ.

Temm id-diskors tiegħu billi awgura lill-movimenti Kattoliċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, biex waqt li jkomplu jaħdmu biex ikun hawn sentiment qawwi ta’ ġustizzja soċjali li joħloq l-ambjent, fejn il-politiċi jkollhom il-libertà minn kull tentazzjoni ta’ favoritimu u ta’ klijenteliżmu, u jkollhom il-libertà jaħdmu għall-ġid komuni mingħajr ma’ jħarsu lejn wiċċ ħadd.