Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​GreenPak tirrapporta l-aqwa sena tal-operat tagħha

Josianne  Camilleri  -  18/05/17 12:52 PM

GreenPak Coop, l-akbar sistema ta' rkupru ta' skart f'Malta, ħabbret li l-2016 kienet l-aqwa sena tagħha s'issa. Dan is-suċċess isegwi kemm żidiet fil-lista tal-membri, kif ukoll żidiet fit-tunnellaġġ ta’ ġbir u riċiklagg ta’ skart tal-ippakkjar. Is-sena 2016 immarkat ukoll l-ewwel sena sħiħa tal-operat ta’ GreenPak fl-iskema Waste Electrical & Electronic Equipment (WEEE). Fl-aħħar tlett xhur tas-sena, GreenPak nediet ukoll il-kampanja BATREE, l-iskema tagħha għall-ġbir u riċiklaġġ ta’ batteriji użati.

Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-Kooperattivi Malta f'Ħal Qormi, il-President ta’ GreenPak Victor Galea qal li l-membri tal-koperattiva kienu ddikjaraw: “20,381 tunnellata ta’ imballaġġ (packaging) imqiegħed fis-suq, li minnhom 13,200 tunnellata kienu riċiklati.” Dan l-ammont jaqbeż il-mira minima nazzjonali ta’ 55%. Is-sur Galea qal li GreenPak għandha tkun kburija b’dan is-suċċess u żied li fl-ewwel sena tal-operat fl-iskema WEEE, GreenPak ġabret 568 tunnellata minn 3,990 tunnellata ta’ skart elettroniku li kienu ddikjarati mill-membri. “Il-mudell tal-Koperattiva GreenPak qed jaħdem sew, u l-membri għandhom ikunu kburin li jifformaw parti minn din il-koperattiva.”

Il-Kap Eżekuttiv l-Inġ Mario Schembri qal li GreenPak għandu l-impenn li jtejjeb is-sistema ta’ ġbir eżisteni, u bħala eżempju semma’ l-fatt li fiż-żmien qasir minn mindu tnediet l-iskema BATREE, 200 kontenitur diġà tqassmu fl-iskejjel, ħwienet, supermarkets u Kunsilli Lokali, biex ikunu disponibbli ħalli l-pubbliku jarmi l-batteriji użati.  Sal-aħħar tal-2017, GreenPak qed timmira li jkollha 500 post madwar Malta u Għawdex għall-ġbir ta’ batteriji użati.

Kien elett il-Bord il-ġdid ta’ GreenPak li hu magħmul minn Victor Galea, Direttur Eżekuttiv ta' VJ Salomone Marketing Ltd; Denis Zammit Cutajar, Kap Eżekuttiv ta' P. Cutajar & Co Ltd; Edward von Brockdorff, Direttur ta' Von Brockdorff Imports Ltd;  Pierre Fava, Kap Eżekuttiv ta' Kemimport Ltd; Brian Galea, Maniġer Ġenerali ta’ GSD Marketing Ltd; Lionel M. Cassola, Segretarju tal-Kumpanija ta’ GA Enterprises Ltd; Norman Aquilina, Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons; u Peter Martin, Direttur ta’ Attard & Co Food Ltd.