Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Adrian Delia bi stedina għall-Prim Ministru   |  Arrestati aktar uffiċjali Katalani   |  "Is-siġġu tan-nies" - Ivan Bartolo; Cordina se jibqa’; Marlene qed tagħmel suwiċidju - Briguglio   |  Puli ma jgħidx hux lest li jċedi s-siġġu; pressjoni fuq Schiavone   |  L-Arċisqof iħeġġeġ lill-għalliema biex ikollhom stil san ta’ ħajja

Aġġornata: L-inkjesta tistenna risposta mill-Panama

Charmaine  Attard   -  18/05/17 05:18 PM

Imkejjen infurmati kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt, li l-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed imexxi l-inkjesta dwar l-allegazzjoni li l-mara tal-Prim Ministru hija sidt il-kumpanija Egrant (is-Sinjura Muscat tiċħad dan), bagħat ittri rogatorji lill-ġuriżdizzjonijiet barranin, fosthom il-Panama.

Barra minn hekk il-Maġistrat ġab Malta espert fis-sistemi tal-IT tal-banek biex jeżamina s-sistema elettronika użata fil-Bank Pilatus, li huwa allegat li kellu d-dokumenti li jippruvaw ta’ min hija Egrant.

L-informazzjoni ta’ Newsbook.com.mt hija bil-maqlub ta’ rapport ippubblikat dalgħodu fis-sit tal-aħbarijiet tal-gazzetta ILLUM li kien jgħid l-inkjesta hija lesta iżda għadha m’għaddietx għand l-Avukat Ġenerali.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-editur tal-gazzetta ILLUM, Albert Gauci Cunningham, li ppublika din l-istorja, intalab biex jidher quddiem il-Maġistrat Bugeja. Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu wkoll li l-Maġistrat xejn ma kien kuntent li ġie ippubblikat li l-inkjesta ġiet konkluża, meta dan mhux minnu.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Avukat Roberto Montalto dwar x’inhuma ‘ittri rogatorji’. Huwa spjega li dawn ikunu talbiet li jsiru minn maġistrat inkwirenti biex jiġbor xhieda minn persuni li jinsabu f’guriżdizzjonijiet oħra.

Huwa qal li dawn l-ittri jkunu pproċessati minn diversi istituzzjonijiet legali, foshom dawk tal-avukati ġenerali tal-pajjiżi li minnhom tintalab ix-xhieda.

L-avukat Montalto ssokta li ġieli saħansitra jkun hemm każi fejn l-ittri rogatorji jiġu injorati u x-xhieda qatt ma tintbagħat Malta. Madankollu, anke meta tintbagħat Malta, il-proċess mhux wieħed mgħaġġel u hemm tendenza li jieħu fit-tul.

“Ma nafx fiex waslet l-inkjesta”  - Joseph Muscat

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Dr Muscat qal li ma jafx fiex waslet l-inkjesta maġisterjali li kien talab hu stess dwar l-allegazzjoni li martu Michelle Muscat hija sidt it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant. Din l-allegazzjoni kienet ġiet miċħuda kemm mill-Prim Ministru kif ukoll minn martu.

Saħaq li l-inkjesta Maġisterjali hija indipendenti u m’għandux dritt jidħol fiha.

Dwar ir-rikors li ressaq il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, il-Prim Ministru qal li t-tattika ta’ Dr Busuttil hi li jtawwal l-inkjesta.

Simon Busuttil qal li huwa mħasseb dwar l-inkjesta minħabba li l-Maġistrati jeħtieġu l-għajnuna tal-Pulizija u tenna li m’għandux fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Dr Muscat saħaq li Simon Busuttil jaf li qed jigdeb u qed jipprova jsib xi skuża minn issa.